Id-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz li jneħħi paragrafu minn rapport tal-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew għax kien kritiku fil-konfront tat-tmexxija tiegħu hi azzjoni bla preċedent u deċiżjoni skandaluża. Hekk sostna l-Membru Parlamentari Ewropew Belġjan mill-Partit tal-Ħodor Bert Staes f’kummenti ma’ MaltaRightNow.com.
Staes kien wieħed mill-ħafna MEPs li kkritikaw l-azzjoni ta’ Schulz, li hu l-kandidat tas-Soċjalisti biex jieħu post José Manuel Barroso fil-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-paragrafu ċċensurat minn Schulz jgħid hekk: il-Kumitat “jikkritika l-fatt li rapport tal-Kumitat tas-Superżizjoni ta’ OLAF fuq il-kontroll tal-Baġit ma kienx mgħoddi lilu mill-President, iżda nżamm għal aktar minn xahrejn.
Jikkritika wkoll il-fatt li kien hemm dewmien ta’ tliet xhur biex l-Amministrazzjoni tal-Parlament tgħaddi sejħa għal xhieda minn Qorti Belġjana lil tliet Deputati u jikkritika wkoll li l-operat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kien imxekkel meta laqgħat dwar it-task force għall-Greċja kienu miżmuma għal aktar minn sena. Il-parti tal-paragrafu li tirreferi għax-xhieda li ġew mistiedna jagħtu tliet Deputati fil-Qorti Belġjana hi relatata ma’ każi li jinvolvu lill-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli.
Staes qal li minħabba li Schulz ċaħħad lill-MEPs milli jivvotaw fil-Plenarja dwar paragrafu li jikkritika l-operat tiegħu, il-Parlament Ewropew qabel li l-vot fuq dan ir-rapport ikun pospost għal ġimgħatejn bi protesta għaċ-ċensura min-naħa ta’ Schulz. Dan b’aktar minn 430 vot favur, bi qbil bejn il-maġġoranza kbira tal-gruppi politiċi tax-xellug, il-partiti popolari, l-ewroxettiċi, il-konservattivi Ingliżi, il-liberali u l-ħodor. L-uniku grupp li ma qabilx kien dak tas-Soċjalisti.
Staes kompla li Schulz issa għandu ġimgħatejn ċans biex jirranġa l-iżball li għamel u jerġa’ jdaħħal dan it-test ħalli jsir vot fuqu. Jekk dan iseħħ, għal Staes il-każ hu magħluq, iżda jekk Schulz jibqa’ jippersisti li jiċċensura paragrafu li qed jikkritika t-tmexxija tiegħu, dan jibgħat messaġġ ħażin, speċjalment meta wieħed iqis li Martin Schulz qed jikkandida ruħu biex imexxi l-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>
