Internazzjonali

Ġurnalisti tal-AP vittmi ta’ sparatura f’lejliet l-elezzjoni

L-AFGANISTAN – Żewġ ġurnalisti nisa mal-Associated Press spiċċaw vittmi ta’ vjolenza fil-belt ta’ Khost  wara li pulizija fetaħ in-nar direttament għal fuqhom.

L-inċident seħħ meta l-poplu Afgan qed iħejji biex jivvota fl-elezzjoni tallum għall-Presidenza u meta l-militanti tat-Taliban ilhom jheddu li se jagħmlu minn kollox biex itellfu dan il-proċess u fejn m’humiex iżommu lura mill-vjolenza.

Intant, il-foto-ġurnalista, Anja Niedringhaus, inqatlet ‘minnufih’ fl-isparatura talbieraħ f’Khost (qrib il-fruntiera mal-Pakistan) u bir-rapporti jgħidu li l-kollega tagħha, Kathy Gannon, tinsab ‘stabbli’ wara li spiċċat midruba fl-istess inċident.

Il-qawwiet tas-sigurta Afgani qegħdin jagħmlu li jistgħu biex jintensifikaw is-sigurta madwar il-pajjiż u meta l-poplu qed jagħżel President ġdid minflok Hamid Karzai, li ilu fil-poter mill-2001, u li hu pprojbit mill-Kostituzzjoni milli jikkuntesta għal tielet mandat.

Il-kampanja elettorali kienet fost l-aktar imdemmija fl-istorja tal-pajjiż u bl-osservaturi diġa qed jesprimu l-inkwiet dwar il-frodi waqt din l-elezzjoni.

Sadanittant, mifhum li Niedringhaus u Gannon kienu qed jivvjaġġaw mal-ħaddiema li qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni u li kienu qed iwasslu d-dokumenti tal-vot lejn l-inħawi ta’ Tanay, li hu distrett ta’ Khost.

In-nies li nzertaw fl-inħawi qalu, aktar tard, li uffiċjal li kien qed jikkmanda taqsima tal-pulizija fetaħ in-nar fuq il-ġurnalisti li dak il-ħin kienu qed jistennew sakemm il-konvoj tagħhom jidħol ġo kumpless tas-sigurta.

L-istess uffiċjal tal-pulizija mbagħad ċeda lill-awtoritajiet u mifhum li qed jinżamm taħt arrest, bl-inċident qed ikun investigat. Fl-istess ħin, mhux qed jiġi eskluż li l-isparatura setgħet seħħet b’riżultat ta’ ‘identita żbaljata’ jew ‘minħabba li l-pulizija li kienu responsabbli mis-sigurta fiz-zona ma kenux konxji mill-movimenti tal-ġurnalisti fl-inħawi’.

Id-distrett ta’ Khost jaqsam fruntiera mar-reġjun ta’ Waziristan, fil-Pakistan, u fejn magħruf li l-militanti tal-grupp Haqqani (bbażat fil-Pakistan) huwa b’saħħtu ħafna.

Intant, l-elezzjoni attwali għall-Presidenza Afgana hi anki karatterizzata bl-akbar impenn militari mindu tkeċċa t-Taliban mill-poter fl-2001 u meta hemm madwar 200,000 suldat stazzjonati madwar l-Afganistan biex jevitaw l-attakki fuq il-poplu.