Lokali

Id-diversita’, l-inklussivita’ u l-impenn soċjali huma l-elementi ewlenin għall-għaqda

Id-diversita’ u l-impenn soċjali huma elementi li għandhom ikattru l-għaqda fost il-poplu Malti u joħorġu iktar l-identita’ u l-valuri tal-poplu.

Dan sostnietu l-President il-ġdid ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fl-ewwel laqgħat li kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat, mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u maċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola. Il-laqgħat saru fil-Palazz ta’ San Anton u kienu l-aħħar attivitajiet uffiċjali tal-President il-ġdid matul il-ġurnata tal-Ġimgħa.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-entużjażmu li wera l-poplu għall-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala president ġdid għandu jawgura tajjeb biex din tkun presidenza bbażata fuq l-aspett soċjali u anki fuq l-importanza tal-irwol tan-nisa fis-soċjeta’, sostna l-Prim Ministru.

Filwaqt li qablet mal-pożizzjoni espressa mill-Prim Ministru, il-President Coleiro Preca qalet li l-irwol tan-nisa fis-soċjeta’ għandu jkun iktar viżibbli għaliex fis-soċjeta’ hawn ħafna nisa validi li iżda għandhom bżonn il-kurraġġ meħtieġ biex ikun persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-volontarjat, sostniet il-President hu wkoll sens ta’ għaqda fis-soċjeta’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dan hu kapitlu ġdid kemm għal Marie Lousie Coleiro Preca kif ukoll għall-pajjiż.

L-Oppożizzjoni tinsab warajk President u għalhekk appoġġjatek bil-vot tagħha fil-Parlament, sostna Simon Busuttil, li ddikjara li l-vot tal-Oppożizzjoni favur il-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca sar bil-qalb u b’mod awtentiku. Il-Kap tal-Oppożizzjoni esprima fiduċja li Marie Louise Coleiro se tkun President li taħdem għal kulħadd biex tissaħħaħ l-għaqda.

Il-President il-ġdid espremiet apprezzament lejn il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni favuriha bħala President ta’ Malta u sostniet li dan kien messaġġ tajjeb. Marie Louise Coleiro Preca qalet li tħares ‘il qudddiem lejn ħidma flimkien għall-ġid tal-pajjiż. Hi qalet li l-għaqda fost il-poplu għandha tinżamm kuljum anki jekk ma jkunx hemm qbil fuq kollox. Dan hu importanti f’demorkazija, sostniet il-President.

L-aħħar laqgħa uffiċjali saret maċ-Chairperson tal-Alternattvia Demorkatika Arrnold Cassola li qal li din il-laqgħa tfisser li s-6,000 vot li ġabet l-Alternattiva qed ikunu rikonoxxuti mill-presidenza. Arnold Cassola irringazzja lill-President għal dan u qal li l-Alternattvia taqbel mal-elementi soċjali u favur il-foqra u l-batuti espressi mill-President.

Nixtieq li s-6000 votant tal-Alternattiva wkoll ikunu viżibbli fis-soċjeta’, sostniet Marie Lousie Coleiro Preca, li kompliet li bl-istess mod temmen li kull kategorija tas-soċjeta’ għandha tkun rappreżentata biex b’hekk il-pajjiż jagħmel pass kbir ‘il qudddiem fis-diversita’ u l-inklussivita’.

Qabel iltaqgħet mal-mexxejja tal-partiti politiċi, il-President u s-Sur Preca iltaqgħu mal-ħaddiema tal-Palazz Presidenzjali.