Kultura Lokali

Il-konverżjoni ta’ San Pawl fuq il-liżar taċ-ċinema

‘Saul: Journey to Damascus’ hu film li jiffoka fuq il-konverżjoni ta’ San Pawl u fuq il-mod kif mill-persekuzzjoni tal-Insara, San Pawl għadda biex ikkonverta u sar dixxiplu ta’ Kristu.

Il-film għandu produzzjoni u direzzjoni tal-Malti Mario Philip Azzopardi, li hu responasbbli kemm mill-kitba kif ukoll mill-produzzjoni konġunta Maltija-Kanadiża bejn is-Citadella Malta Films u l-Istarfielf Independent Studios.

Fost l-atturi Maltin li jieħdu sehem f’dan il-film, li se jibdew jintwera fis-swali taċ-ċinema Maltin fi żmien l-Għid il-Kbir hemm John Suda, Godwin Scerri, Larissa Bonaci u Joe Quattromani.

L-attur prinċipali li jinterpreta l-parti ta’ Saul hu l-attur Kanadiż Kyle Schmid waqt li jieħu sehem ukoll l-attur John Rhys-Davies li hu magħruf għall-partijiet tiegħu f’Indiana Jones u Lord of the Rings.

Il-film jiffoka fuq l-istorja ta’ San Pawl minn meta kien suldat jarresta u jordna l-qtil tas-segwaċi ta’ Kristu sakemm ikkonverta iżda ma jasalx san-nawfraġju tax-xini li kien fuqu f’Malta. L-istorja tieqaf sakemm ftit wara l-konverzjoni ta’ San Pawl, tinħareġ l-ordni biex dan ikun arrestat u proċessat.

Ħafna xeni mill-film huma maħdumin fil-Forti Ricasoli u oħrajn f’xenarju tipiku Malti. Il-film jirnexxielu juża tajjeb bini tas-Servizzi Ingliżi fil-Forti Ricasoli u jikkonvertiehom f’ambjent ta’ belt ta’ żmien San Pawl. Aspett partikolari tal-film huma l-effetti li jintużaw, partikolarment il-mument meta San Pawl ikkonverta u tielf id-dawl f’mument waqt li kien qed jattakka lid-dixxipli ta’ Kristu.

Il-film hu mpoġġi fil-kategorija PG għall-fatt li fih diversi xeni qawwija fosthom tħaġġir ta’ persuni, qtil u aggressjoni kif kienet titwettaq f’dik l-epoka.

Qabel jiddebutta fuq il-liżar taċ-ċinema, il-Ġimgħa filgħodu l-film kien muri lill-ġurnalisti u kritiċi tal-films f’okkażjoni li fiha l-producer Mario Philip Azzopardi tkellem dwar il-mod pożittiv li bih intlaqa’ l-film barra minn Malta u qal li diġa’ qed ikun hemm rikjesti għal films tal-istess tip.

Saul: Journey to Damsacus se jibda jintwera fl-Eden Cinemas mis-16 ta’ April.