Internazzjonali

Tfittxija taħt il-baħar għall-ajruplan nieqes

L-AWSTRALJA – L-awtoritajiet li ilhom l-aħħar ġimgħat ifittxu għall-Boeing tal-Malaysia Airlines li għab fit-8 ta’ Marzu li għadda, bdew fażi ġdida li qed titmexxa ‘taħt il-baħar’ u fejn qed jintuża tagħmir magħruf bħala pinger locater bl-iskop li tinstab il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan.

Titjira ‘MH370′, dakinar, sparixxiet minn fuq ir-radar waqt il-vjaġġ mill-Malasja lejn iċ-Ċina u lbieraħ, vapur tal-qawwiet tal-baħar Awstraljani bl-isem Ocean Shield kien qed jiġbed il-locator li tniżżel sa 240 kilometru fil-fond tal-baħar. Dan waqt li vapur ieħor bil-kapaċitajiet simili – l-HMS Echo – ukoll ħa sehem f’dan l-impenn li (anki) kellu l-appoġġ ta’ diversi ajruplani u vapuri oħra.

L-ajruplan li sparixxa kellu 239 persuna abbord li kienu qed jivvjaġġaw minn Kuala Lumpur għal Beijing. Sadanittant, l-awtoritajiet għadhom jemmnu li l-Boeing iġġarraf fin-nofsinar tal-Oċean Indjan anki jekk għad ma nstabux il-partijiet tal-ajruplan.

It-tfittxija attwali qed jikkoordinawha l-awtoritajiet fil-belt ta’ Perth, lejn il-Punent tal-Awstralja, u meta l-vapur Ocean Shield u l-HMS Echo qed jippruvaw jindikaw il-pingers (li  jitħaddmu bil-batteriji) tal-kaxxa s-sewda tal-Boeing.

Intant, magħruf li l-pingers ma jittrasmettux aktar sinjali ladarba jgħaddu tletin jum wara ‘inċident’ u, għaldaqstant, jidher li fadal biss ftit ġranet għall-awtoritajiet biex forsi jaċċertaw indikazzjoni konkreta tal-ajruplan b’dan il-metodu.

It-tfittxija, issa, qed issir ġo zona speċifika u skont l-analiżi ta’ data mis-satellita, bl-awtoritajiet ‘qed jittamaw li jaslu malajr għal konklużjoni’ wara daqstant ħidma li (għalissa) ma pproduċiet l-ebda provi konkreti rigward allegati ‘fdalijiet tal-Boeing ‘