Internazzjonali Lokali

The New York Times tikkwota t-tħassib tal-Maltin għall-bejgħ taċ-Ċittadinanza

Wara sensiela ta’ artikli ippubblikati fix-xhur li għaddew f’ġurnali barranin dwar l-iskema Maltija tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza, The New York Times baqgħet issegwi l-iżviluppi dwar din l-iskema u fil-ħarġa tal-bieraħ ippubblikat artiklu ieħor bit-titlu “Maltese are wary of citizenhsip plan“. L-artiklu jagħti ħarsa lejn il-bidliet li kellu jagħmel il-Gvern fl-iskema taċ-Ċittadinanza u fil-Liġi li tirregola dan il-programm, bl-aħħar bidla tkun dik li applikant ikun meħtieġ jissodisfa l-kriterju ta’ sena residenza anke wara l-pressjoni tal-Oppożizzjoni.

L-artiklu jgħid li l-iskema qed tqanqal tħassib f’Malta, hekk kif l-għoti taċ-Ċittadinanza għall-flus jista’ jservi bħala mezz faċli kif kriminali u terroristi, li jistgħu jħallsu ftit aktar minn €1 miljun isibu bieb miftuħ għall-Ewropa u l-Istati Uniti. L-artiklu jgħid li minn meta beda jaħdem il-programm fi Frar li għadda, applikaw biljunarji Ċiniżi u nies sinjuri mir-Russja, kif ukoll persuni mil-Lvant Nofsani, fosthom mill-Għarabja Sawdita, l-Iraq, l-Emirati Għarab Magħquda, Dubaj u l-Libja. L-artiklu jispjega kif l-Oppożizzjoni f’Malta opponiet il-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija, iżda l-Gvern, li għandu maġġoranza kbira, baqa’ għaddej b’dan il-programm.

The New York Times tikkwota wkoll lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, li qal li l-aħbar riċenti li fuq l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb f’Marzu li għadda kien hemm żewġ persuni li kienu qed jivvjaġġaw b’Passporti misruqa minkejja li kienu ġew iċċekjati mis-sezzjoni tas-sigurtà u l-immigrazzjoni, hu eżempju tal-vulnerabbiltà fl-użu ta’ Passporti għal għanijiet illegali. Jason Azzopardi qal li l-biża’ tan-nies hi li persuni b’rekord kriminali jixtru triqithom lejn Malta u jużaw lil pajjiżna biex ikollhom aċċess għall-Ewropa.

L-artiklu jgħid li l-iskema taċ-Ċittadinanza f’Malta toffri lil dawk li jingħataw iċ-Ċittadinanza aċċess għal 27 Stat Membru tal-UE u aċċess għal 69 pajjiż ieħor barra l-UE mingħajr il-bżonn ta’ viża.

Sadanittant, fl-aħħar jiem, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju Ewropew responsabbli minn dan il-qasam Viviene Reding, f’risposta għal Mistoqsija Parlamentari li saritilha, ukoll għamlitha ċara li rabta ġenwina bejn min japplika għaċ-Ċittadinanza u l-pajjiż għandha tkun rekwiżit qabel ma tinħareġ iċ-Ċittadinanza. Reding enfasizzat li l-Kummissjoni Ewropea tistenna li kull pajjiż membru tal-UE jagħti ċ-Ċittadinanza fi spirtu ta’ koperazzjoni sinċiera mal-istati l-oħra tal-UE.

Reding fakkret li l-għoti taċ-Ċittadinanza fi Stat Membru partikolari jfisser l-għoti taċ-Ċittadinanza tal-UE kollha. Dan għalhekk iġib miegħu drittijiet addizjonali, iżda wkoll obbligi li wieħed irid josserva skont il-Liġijiet Ewropej, minbarra dawk internazzjonali.