IR-RUSSJA – Is-Servizzi tas-Sigurta Federali tar-Russja (FSB) qalu li arrestaw talanqas 25 Ukren li huma akkużati li ppjanaw l-attakki terroristiċi fl-istess żmien (ix-xahar li għadda) meta kien sar ir-referendum dwar il-futur tal-Krimea.
Skont l-FSB, l-akkużati huma membri tal-movimenti ultra-nazzjonalisti, iżda minkejja r-referenzi għal ‘attakki li l-estremisti kienu qed jippjanaw kontra l-interessi tar-Russja’, s-servizzi tas-sigurta tal-Ukrajna qegħdin jiċħdu kategorikament li dan hu minnu.
It-tensjoni fl-inħawi għadha għolja u mindu r-Russja għaqqdet il-penisola tal-Krimea mat-territorju tagħha . Fl-istess ħin, in-NATO tibqa’ ‘konxja’ mill-għexieren tal-eluf tas-suldati Russi li huma skjerati tul il-fruntiera tar-Russja li tmiss mal-Lvant tal-Ukrajna.
Uħud mill-Ukreni arrestati huma akkużati li ‘ħadu r-ritratti tal-movimenti tat-truppi Russi’. Akkużi oħra, mbagħad, jirreferu ‘għall-attentati tal-istess Ukreni biex jistabbilixxu l-kuntatti ma’ elementi estremisti fl-artijiet tar-Russja’.
L-istqarrija tal-FSB sostniet li l-arrestati kienu qed jippjanaw l-attakki fir-reġjuni Russi ta’ Rostov, Volgograd, Tver, Orel, Belgorod, Kalmykia u Tatarstan, bejn l-14 u s-17 ta’ Marzu.
Iżda, l-Uffiċjali tal-Gvern tal-Ukrajna wkoll qegħdin iressqu l-akkużi speċifiċi fil-konfront tar-Russja, u fis-sens li għexieren ta’ aġenti tal-FSB kienu involuti fl-ippjanar ta’ azzjonijiet kontra d-dimostranti fi Kiev li kmieni fis-sena pprotestaw kontra l-amministrazzjoni tal-eks-President Ukren, Viktor Yanukovych, li hu alleat kbir ta’ Moska.
//= $special ?>