“Introduction to the Law of Education”, huwa l-isem ta’ ktieb ġdid tal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, dwar il-liġi tal-edukazzjoni f’pajjiżna – pubblikazzjoni li tagħti ħarsa partikolari lejn il-liġi dwar l-edukazzjoni li ħarġet fl-1988.
Liġi li ħarġet fi żmien meta Ugo Mifsud Bonnici kien il-Ministru tal-Edukazzjoni fi Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista.
Ugo Mifsud Bonnici spjega kif il-liġi tal-edukazzjoni tal-1988 kienet liġi li ġabet bidliet radikali f’dan il-qasam, u jispjega għaliex.
Iżda l-ktieb ma jitrattax biss din il-liġi, imma jinkludi wkoll il-filosofiji tal-edukazzjoni, l-istorja tal-leġiżlazzjoni ta’ Malta, ħarsa lejn l-istess liġijiet ta’ Malta u anke dawk internazzjonali fuq l-edukazzjoni u anke jitkellem dwar il-bżonn ta’ iktar tagħlim dwar il-liġi mhux biss tal-edukazzjoni iżda anke dwar il-liġi in ġenerali.
Il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, spjega kif permezz tal-warrant, l-għalliema ngħataw xi ħaġa li qabel qatt ma seta’ jkollhom.
Ugo Mifsud Bonnici kompla jispjega kif illum il-ġurnata pajjiżna laħaq il-livelli meħtieġa fejn tidħol edukazzjoni u meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra. Hu jispjega dan billi jqabbel il-liġi internazzjonali tal-edukazzjoni ma’ dik Maltija.
Ugo Mifsud Bonnici serva bħala Ministru tal-Edukazzjoni bejn l-1987 u l-1994 u f’dak il-perjodu l-istudenti tal-Università minn 800 kienu żdiedu għal 8,000.
Mifsud Bonnici temm l-intervista magħna billi appella biex b’mod partikolari l-għalliema f’kull livell tal-edukazzjoni, l-istudenti u l-ġenituri jaqraw dan il-ktieb.
Ta min jinnota li grazzi għal-liġi tal-1988 li ġabet bidliet fil-qasam tal-edukazzjoni, setgħu jitfasslu liġijiet oħra li huma attwati llum bħall-kodiċi għall-imġiba tal-għalliema fost oħrajn.
//= $special ?>
