L-UKRAJNA – Dimostranti favur ir-Russja li ħatfu kontroll tal-bini tal-gvern reġjonali ta’ Donetsk huma rrappurtati li ddikjaraw it-twaqqif ta’ ‘Repubblika tal-Poplu’ fl-istess belt. Kien hemm anki dimostranti li ħatfu kumplessi tas-sigurta ġo l-istess belt kif ukoll f’Luhansk u wara inċidenti, nhar il-Ħadd, fejn folla ta’ elementi li jappoġġjaw lil Moska daħlu ġo bini governattiv f’Kharkiv, qabel irtiraw mill-inħawi.
Filmati li qed jiċċirkolaw fuq l-Internet, juru raġel qed jiddikjara ‘l-Istat sovran tar-Repubblika ta’ Donetsk’, bil-President attwali tal-Ukrajna, Oleksandr Turchynov, ifisser dan l-inkwiet bħala attentat tar-Russja ‘biex taqsam l-Ukrajna f’entitajiet separati’.
Intant, ir-ribelli f’Donetsk, li hi waħda mill-ibliet prinċipali Ukreni, qed jinsistu għal referendum li jittamaw għandu jwassal għall-formazzjoni ta’ repubblika ġdida f’art li sallum tifforma parti integrali mill-Ukrajna. Ir-ribelli jridu li r-referendum ma jsirx aktar tard mill-11 ta’ Mejju, u bl-awtoritajiet Ukreni qed iwaħħlu fir-Russja dwar ‘din il-kampanja ta’ inkwiet konsistenti li hi parti minn aġenda speċifika’.
Turchynov insista li l-iżviluppi f’Donetsk jindikaw ‘tieni fażi’ tal-impenn tar-Russi biex jiddistabbilizzaw l-Ukrajna u wara li l-Gvern tal-President Russu, Vladimir Putin, għaqqad il-penisola tal-Krimea ma’ artu wara referendum li ma deherx validu f’għajnejn l-awtoritajiet ġodda fi Kiev.
Fl-istess ħin, il-każ ta’ Donetsk hu differenti ħafna minn tal-Krimea, għaliex ħafna mir-residenti lokali jiddjalogaw bl-Ukren, minkejja l-preżenza (fil-belt) ta’ maġġoranza li titkellem bir-Russu. Hu minnu wkoll li l-istħarriġ tal-opinjoni f’Donetsk qed juri appoġġ konsiderevoli għal Ukrajna magħquda.
Min-naħa tiegħu, l-President Ukren Turchynov laqqa’ l-Kabinett tiegħu b’urġenza fejn qal li ‘m’għandhomx jippermettu li truppi barranin jaqsmu l-fruntiera u jaħtfu l-artijiet tal-Ukrajna. Turchynov enfasizza li l-aggressuri li qed jixprunaw l-inkwiet għandhom ‘aċċenti Russi distintivi’, bil-Pulizija Ukreni qed jimblukkaw it-toroq li jwasslu lejn Luhansk, waqt li l-qawwiet ta’ riserva jintbagħtu fl-ibliet problematiċi ta’ pajjiżhom.
Rapporti oħra, lbieraħ, qalu li rġiel armati anki ppruvaw jassedjaw kumpless tat-televiżjoni f’Donetsk, fejn waqqfuhom l-iskwadri tal-pulizija. Dan waqt li l-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin qal l-Ukrajna lesta li tidħol fi gwerra mar-Russja f’każ li Moska tibgħat il-militar lejn it-territorji Ukreni tal-Lvant.
//= $special ?>