Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu żar l-Expo tax-Xjenza organizzata mill-NSTF fl-Istitut tax-Xjenza Applikata tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Simon Busuttil intlaqa’ mis-Segretarju Ġenerali ta’ NSTF Francis Stivala u mill-Kordinatur fl-NSTF dwar il-Programmi tax-Xjenza Carl Agius.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni żar numru ta’ klassijiet li fihom diversi studenti tal-Primarja minn Skejjel tal-Knisja u tal-Istat kienu qed jagħmlu esperimenti dwar ix-xjenza applikata. Simon Busuttil apprezza wkoll ix-xogħolijiet kreattivi li ttellgħu minn studenti tas-Sekondarja u mill-MCAST stess, filwaqt li faħħar l-isforzi tagħhom biex ħolqu proġetti tassew oriġinali.
F’kelmtejn lill-ġurnalisti fi tmiem iż-żjara, il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar l-Expo tax-Xjenza, li ddeskriviha bħala wirja impressjonanti. Hu faħħar lill-NSTF għax sena wara oħra, l-istudenti qed jgħixu u jesperjenzaw ix-xjenza bl-iskop li s-suġġett ikun segwit. Simon Busuttil kien impressjonat bil-livell superjuri tal-esperimenti u l-istudenti, li mhux biss ippreżentaw dokument b’tagħrif dwar il-proġett tagħhom, iżda kienu kapaċi jikkomunikaw il-kreattività tagħhom ma’ ħaddieħor.
Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni tixtieq tara lill-Gvern ikompli jimbotta x-Xjenza, il-Kreattività u l-Innovazzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li dan hu qasam fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jistgħu jfittxu kunsens biex ikun hemm iżjed inizjattivi dwar ix-xjenza fil-pajjiż. Qed ikun ittamat li sal-2020, il-Gvern jonfoq 2% mill-Baġit f’riċerka u nnovazzjoni.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali ta’ NSTF stqarr li l-Expo ta’ din is-sena attirat l-interess ta’ 46 Skola u ressqet lejha madwar 6,000 student. Francis Stivala qal li l-għan tal-NSTF hu li titnaqqas id-diskrepanza fl-attivitajiet dwar ix-xjenza li jsiru barra minn Malta u dawk li jkunu organizzati lokalment. Għaldaqstant, f’Malta qed issir enfażi biex fl-iskejjel, l-istudenti joħorġu b’ideat oriġinali u jiżviluppaw proġetti marbutin max-xjenza u t-teknoloġija tal-informazzjoni.
//= $special ?>