Il-Ministru Owen Bonnici tajjar żewġ ġuvintur, b’wieħed minnhom kellu jiddaħħal l-isptar u saħanistra jiġi operat. Każ li seħħ nhar il-Ħamis li għadda barra l-mina ta’ Santa Venera – u fil-ħin tal-inċident Bonnici kien qed isuq il-karozza privata tiegħu.
Imma għal xi raġuni l-inċident inżamm sigriet mill-pulizija li ma ħarġet l-ebda stqarrija, u għall-mistoqsijiet li bagħat dan l-istazzjon b’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija qalet biss li l-investigazzjonijiet għada għaddejja u għalhekk mhux prudenti li wieħed jikkummenta.
Is-soltu, il-pulizija tinforma lill-media permezz ta’ stqarrija, meta jseħħ inċident li fih ikun hemm persuna jew persuni li jweġġħu serjament. U f’dan il-każ jirriżulta li l-ġrieħi li ġarrab wieħed mill-vittmi jistgħu jiġu klassifikati bħala gravi….għaliex kiser saqajh u anke’ kellha ssirlu operazzjoni.
Skont l-informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, il-każ seħħ tard filgħaxija – il-Ħamis wara l-għaxra ta’ bil-lejl. Kollox beda meta żagħżugħ, li kien għaddej bil-karozza tiegħu ftit ‘il barra mill-mina ta’ Santa Venera, waqfitlu l-vettura. Meta ra li ma seta’ jagħmel xejn, dan iż-żagħżugħ ċempel lil ħuh li wasal fil-post biex jagħtih l-għajnuna. Jirriżulta, skont l-informazzjoni li waslitilna, li dak il-ħin il-Ministru Owen Bonnici kien għaddej bil-karozza personali tiegħu. U għal xi raġuni, laqat liż-żewġ żgħażagħ li kienu fil-ġenb tat-triq jipruvaw isewwu l-karozza wieqfa.
MaltaRightNow tinsab infurmata wkoll li l-‘hazard lights’ tal-karozza tal-ġuvintur kienu mixgħulin.
Fil-post waslet mill-ewwel ambulanza li ħadet liż-żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 25 sena u l-ieħor ftit akbar, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Fejn irriżulta li wieħed mill-ġuvintur kien kiser saqajh u saritlu operazzjoni urġenti. Il-ġurnata li fiha seħħ dan l-inċident kienet propju l-għada li Bonnici kien promoss uffiċjalment Ministru minn Segretarju Parlamentari.
Dan is-sit bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, u staqsejna fost l-oħrajn jikkonfermawx li seħħ l-inċident, u min kien involut. Iżda l-Pulizija l-uniku tweġiba kienet li mhux prudenti li wieħed jikkummenta għax l-investigazzjoni għada għaddejja. Jiġifieri l-Pulizija kkonfermat li seħħ dan l-inċident, iżda ma reditx tagħti d-dettalji.
Is-soltu, meta jseħħ inċident li fih ikun hemm min weġġa’ b’mod serju, il-Pulizija joħorġu stqarrija li fiha jinfurmaw lill-media bid-dettalji kollha tal-każ. Din id-darba, għal xi raġuni jew oħra, stqarrija bħal din ma nħarġitx u l-inċident inżamm mistur
//= $special ?>


