Internazzjonali

Ir-rebħa ta’ Orban turi anki ‘l-impenn għall-UE’

L-UNGERIJA – Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, qal li r-riżultati tal-elezzjoni għall-Parlament li sar nhar il-Ħadd mhux talli jikkonfermawlu tieni mandat ta’ poter konsekuttiv, iżda juru li l-poplu tal-Ungerija jridu jibqgħu fl-Unjoni Ewropea, iżda bi gvern nazzjonali sod.

Orban, li jmexxi l-Partit Fidesz, taċ-ċentru-lemin, qal li r-rebħa tiegħu u tal-partit fil-Gvern kien wieħed komprensiv u sinifikanti wara l-enfasi fuq ir-riformi li komplew neħħew l-aħħar traċċi tal-‘wirt tal-komuniżmu’ fl-Ungerija.

Intant, l-issues tal-ekonomija karatterizzaw bil-kbir il-vot ta’ nhar il-Ħadd, b’Orban iħabbar ir-rebħa matul il-lejl tal-Ħadd u bl-aħħar analiżi uffiċjali turi li l-Partit Fidesz rebaħ 133 fost il-199 siġġu fil-Parlament – bil-garanzija li se jifforma l-Gvern li jmiss f’Budapest.

L-indikazzjonijiet huma li l-Partit Jobbik, tal-lemin estrem, għandu jkun it-tieni l-akbar partit fil-Parlament. Dan għaliex filwaqt li l-alleanza taċ-ċentru-xellug fl-Oppożizzjoni għandha vantaġġ fuq Jobbik (38 fuq 23 siġġu), il-ħames partiti li jikkostitwixxu lill-istess alleanza issa qegħdin jaħsbu li jiffurmaw ‘il-gruppi separati tagħhom’.

Fil-passat, Viktor Orban – eks-dissidenti kontra t-tmexxija tal-komunisti fl-Ungerija – kellu d-diżgwid mal-UE u mal-investituri barranin rigward il-politika tiegħu, li kemm-il darba tbiegħdet mill-kriterji ortodossi u stabbiliti.

Sadanittant, l-introduzzjoni ta’ policies ġodda u imprevedibbli min-naħa ta’ Orban u l-Gvern ġdid kapaċi jkollhom ir-riperkussjonijiet fuq il-florint (il-kambju) tal-Ungerija.