Lokali Parlament

Irid iservi ‘pudini’ minflok ‘frejjeġ’

[headlines headline=”h3″ ]- Il-Ministru Michael Farrugia [/headlines]

Il-Ministru Michael Farrugia qal fil-Parlament li fil-qasam tas-Saħħa, il-Gvern irid iservi ‘pudini’ moħmijin minnu u mhux il-frejjeġ li sab mill-amministrazzjoni preċedenti.

Michael Farrugia kien qed iwieġeb diversi mistoqsijiet supplementari tad-Deputati Nazzjonalisti Claudio Grech u Albert Fenech wara li naqas li jagħti risposta ċara għal interpellanza ta’ Claudio Grech.

Il-Ministru Farrugia kien qed jipprova jwieġeb f’ísem il-Ministru Konrad Mizzi li fil-ħin tal-mistoqsijiet ma kienx fil-Kamra. Mitlub jagħti spjegazzjoni għaliex il-Ministru Konrad Mizzi ma kienx preżenti, Michael Farrugia qal li l-Ministru Mizzi kien indispost. Meta Claudio Grech staqsa x’ried ifisser meta qed jgħid li l-Ministru hu indispost, il-Ministru Farrugia qal li ma jridx iwieġeb għaliex din kienet l-aktar domanda imprudenti.

Ir-rimarka tal-Ministru Farrugia dwar il-pudini kienet wara li Claudio Grech u Albert Fenech baqgħu jitolbu biex il-Gvern jippubblika l-parir tal-esperti, skont liema parir il-Gvern iddeċieda li jaqsam id-Dipartiment tal-Kirurġija.

Michael Farrugia qal li dan kien qed isir minħabba l-mismanagement li kien hemm fl-isptar u ma kienx hemm għalfejn isiru rapporti.

Claudio Grech staqsa lill-Ministru jekk jafx li disg[a minn ħdax-il konsulent iddikjaraw bil-miktub li ma jaqblux ma’ din il-qasma tad-dipartiment. Staqsa jekk il-Gvern, li jiftaħar li hu Gvern li jisma’, tax każ tal-parir ta’dawn il-konsulenti.

Il-Ministru Farrugia kompla jinsisti li l-bidla kienet waħda amministrattiva u sostna li jekk din tkunx id-deċiżjoni t-tajba wieħed jaraha ‘l quddiem għaliex “the proof of the pudding is in the eating”.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern irid iservi l-pudini li jaħmi hu u mhux il-frejjeġ li wiret mill-amministrazzjoni preċedenti.

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Fenech qal li l-Ministru ma kienx jaf fuqhiex qed jitkellem u staqsih jekk jafx li fil-mediċina moderna l-iżviluppi juru li fejn hemm qsim f’dipartimenti, dawn għandhom jitmexxew taħt kap wieħed.

Michael Farrugia baqa’ jinsisti li fil-qasam tas-Saħħa m’hemmx problema ta’ tobba jew speċjalisti iżda problema ta’ mismanagement. Sostna li fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija wkoll kien hemm problema ta’ mismanagement u r-reshuffle saret proprja biex tingħata saħħa aktar lill-bidla maniġerjali għaliex mhux aċċettabbli li l-affarijiet ikomplu mexjin kif kienu.