Editorjal

Editorjal: Suq ħażin, u bil-konferma

Nhar il-Ħamis li għadda, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ħareġ ċifri dwar il-bejgħ fil-ħwienet madwar l-Unjoni kollha. Dawn iċ-ċifri kkonfermaw dak li ilhom jgħidu tal-ħwienet f’Malta: li qed ibatu suq ħażin. U mhux biss; jikkonfermaw ukoll li s-suq ħażin f’Malta hu f’kuntrast mal-bqija tal-Ewropa.

Żieda fil-bejgħ fl-Ewropa
Iċ-ċifri tal-Eurostat huma għal Frar, għal kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, imma jagħtu wkoll ix-xejra ġenerali fl-Unjoni meħuda f’daqqa. U din kienet waħda tajba. L-Unjoni Ewropea qed tkompli tikkonferma li ħarġet, u issa ilha ftit, mill-agħar riċessjoni li batiet fl-aħħar 80 sena u fi Frar il-bejgħ fil-ħwienet fl-Ewropa żdied b’1.5 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Suppost f’Malta morna aħjar…
Mela f’Malta kellna nistennew li mmorru saħansitra aħjar, għax ir-riċessjoni qawwija li l-Ewropa batiet fl-aħħar snin lilna bilkemm messitna, u jekk f’Malta konna sejrin tajjeb fl-aħħar snin meta l-Ewropa kienet sejra ħażin, mela ara kemm imissna sejrin tajjeb meta l-Ewropa wkoll sejra tajjeb.

… imma fil-fatt morna kontra x-xejra Ewropea…
Imma mhux hekk. Għax waqt li fl-Ewropa l-bejgħ fil-ħwienet fi Frar żdied b’1.5 fil-mija fuq l-istess xahar ta’ sena qabel, f’Malta naqas b’1.4 fil-mija. Din diġà hi indikazzjoni ħażina, li f’Malta l-bejgħ sejjer ħażin kontra x-xejra tal-bqija tal-Ewropa.

… anzi, l-agħar fl-Ewropa
U aktar. Għax mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa, Malta l-aktar li naqqset fil-bejgħ minn Frar ta’ sena qabel sa Frar li għadda. Minn 28 pajjiż fl-Unjoni, erbgħa biss naqqsu, u Malta naqqset l-aktar fosthom: Malta l-agħar fl-Ewropa.

Suppost morna ferm aħjar anke għax Frar 2013 kien mal-elezzjoni
U din kbira aktar għax Frar li għadda konna qed inqabbluh ma’ Frar tal-2013 meta f’Malta konna fl-eqqel tal-kampanja elettorali u hu magħruf li elezzjoni tgħakkes daqsxejn il-bejgħ. Jiġifieri suppost żidna l-bejgħ f’Malta għax konna qed inqabblu ma’ xahar mgħakkes, u suppost żidna wkoll għax hekk hi x-xejra fil-pajjiżi ta’ madwarna.

Il-gvern ta’ Muscat iwaħħal fil-Ministru tal-Finanzi
Imma ma ġarax hekk, anzi ġejna l-aħħar fl-Ewropa skont dawn iċ-ċifri Ewropej. Sorsi fil-gvern ta’ Joseph Muscat qed iwaħħlu fil-Ministru tal-Finanzi u jgħidu lill-MaltaToday, kif għamlu żewġt iħdud ilu, li Edward Scicluna hu ‘skorfina maħlula’ fil-gvern – ‘weak link’ qalu. ‘Mhux prattiku u ma jafx x’inhu għaddej fil-ministeru tiegħu stess’; hekk qalu lill-MaltaToday is-sorsi tal-gvern ta’ Muscat.

Il-captain iwaħħal fil-players ta’ dak li suppost hu “l-aqwa team ekonomiku”
Imma għalxejn jipprova jfarfar fuq sħabu Muscat. Għax kien hu li wegħedna l-aqwa team ekonomiku li qatt rajna u li se nkunu l-aqwa fl-Ewropa. Illum nafu li dak kien biss il-paroli bombastiku tiegħu. Għax fil-bejgħ fil-ħwienet iċ-ċifri Ewropej juru li fi Frar ġejna l-aħħar u l-captain tat-team ekonomiku issa spiċċa jwaħħal fil-players.