Meta t-Tnejn għalqet is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, b’kollox kien hemm tliet kumpaniji li tefgħu l-offerta tagħhom u oħra li waslet wara li kien skada ż-żmien u wara li ngħalaq il-proċess fil-pubbliku.
Informazzjoni li għandu MaltaRightNow hi li kien hemm offerta minn Unscheduled Bus Service, oħra ta’ kumpanija Maltija wkoll li jidher li huma sidien Għawdxin u kumpanija Spanjola. L-isem tal-kumpanija l-oħra li l-offerta tagħha waslet tard mhux magħruf.
Fi stqarrija, maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI), intqal li hekk kif issa għalaq il-perjodu li matulu, kumpaniji jew individwi kellhom iċ-ċans jitfgħu l-offerta tagħhom, il-pass li jmiss hu li jiġu evalwati s-sottomissjonijiet ta’ dawk li tefgħu l-offerta.
Joe Mizzi, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li l-għan huwa li l-kumpanija li tintagħżel tkun waħda serja li tipprovdi servizz sostenibbli, servizz li jilħaq il-ħtiġijiet tal-pubbliku u li jwassal biex ikompli jiżdied il-patronaġġ.
Hu qal li wieħed irid servizz li wieħed joqgħod fuqu, servizz effiċjenti u li jikkunsidra wkoll l-aspett ekonomiku u soċjali.
Sadattant fi twegiba għal mistoqsija Parlamentari tal-Perit Toni Bezzina, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar it-Trasport, il-Ministru Joe Mizzi qal li matul l-ewwel tliet xhur minn meta l-Gvern ha f’idejh is-servizz tat-trasport pubbliku il-Gvern għamel telf ta’ 2.2 miljun ewro kull xahar li jfisser telf ta’ 6.6 miljun ewro fi tliet xhur.