Bil-qgħad ikompli tiela’, l-unika soluzzjoni tal-Prim Ministru Muscat huma l-jobs mal-Gvern. Din hi l-aktar konklużjoni evidenti li toħroġ mill-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-persuni jaħdmu bi qligħ.
L-istatistika turi li fuq perjodu ta’ sena, in-numru ta’ persuni jfittxu x-xogħol f’pajjiżna kiber b’541 persuna, jiġifieri żieda ta’ 8%. Dan filwaqt li kważi 1,400, jew 30%, tal-impjiegi l-ġodda huma jobs mal-Gvern. Sa Novembru 2013, kien hemm 42,345 persuna jaħdmu mal-Gvern, meta mqabbla mal-40,893 fil-medja tal-2012, l-aħħar sena sħiħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Fi stqarrija f’isem Mario de Marco, il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapiżi ż-żgħar, Tonio Fenech, il-Kelliem għall-Finanzi, u Stephen Spiteri, il-Kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-PN qal li din hi evidenza ċara li l-ekonomija ta’ pajjiżna mhix toħloq biżżejjed attività, kif diġà ħareġ ċar f’riżultati ekonomiċi oħra bħal dawk marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni, il-produzzjoni industrijali u l-bejgħ tal-ħwienet. Fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu jfisser anqas flus fil-but għall-familji Maltin u Għawdxin, li b’hekk joħloq ċirku vizzjuż għax iwassal għal tnaqqis fl-attività kummerċjali ta’ pajjiżna.
L-istatistika tkompli tikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern Laburista fil-qasam tax-xogħol, fejn fl-ewwel sena fit-tmexxija spikkaw in-nuqqas ta’ inċentivi favur l-industrija, favur l-intrapriżi żgħar u medji, kif ukoll favur is-sole traders. Il-PN qal li hu ta’ tħassib ukoll li kważi sena wara l-approvazzjoni ta’ aktar minn €1 biljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern ta’ Muscat għadu ma ssottomettiex il-pjanijiet tiegħu ta’ kif se juża’ dawn il-fondi, biex dawn jibdew jintużaw minnufih fi skemi u inċentivi li jkabbru l-ekonomija u joħolqu aktar attività ekonomika.
Il-PN sostna li l-politika tal-Gvern li jaħbi l-problema tal-qgħad billi jdaħħal aktar ħaddiema jaħdmu mal-Gvern hi riċetta li diġà falliet f’pajjiżna u li ħolqot problemi kbar fil-pajjiżi ġirien tagħna, li kellhom iħallsu prezz qares minħabba l-piż li poġġew fuq il-finanzi pubbliċi li kellhom jidħlu għalih. Il-kont ta’ dan l-infieq bla rażan fl-aħħar mill-aħħar qed iħallas għalih il-poplu Malti u Għawdxi permezz ta’ żieda fil-piż tat-taxxa.
Filwaqt li sena wara l-elezzjoni, il-Gvern Laburista għadu qed joħloq l-impjiegi għal tal-qalba, b’pagi eżorbitanti maċ-Ċivil, ma jinteressah xejn mill-kważi 8,000 persuna u l-familji tagħhom, li qed ifittxu post tax-xogħol. Il-PN sostna l-appell biex il-Gvern jagħti widen lil dawn it-8,000 familja u b’hekk jiżgura bil-fatti u mhux bil-paroli kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.