Lokali

Figolli għall-karita’

Għat-tielet sena konsekuttiva numru ta’ studenti tal-Iskola Sekondarja tan-Naxxar qed jieħdu sehem f’attivita’ li fiha jżejnu figolli tal-Għid biex wara jbiegħuhom għal skopijiet karitattivi.

L-attivita’ tikkonsisti fit-tiżjin ta’ madwar 200 figolla pprovduti minn Golden Harvest mill-istudenti taħt il-gwida ta’ dulċiera mill-istess kumpanija.

L-istudenti tal-Kullegg San Nikola li qed jieħdu sehem gejjin mill-1 u t-3 sena tas-Sekondarja u l-ideat wara t-tizjin qed jitħallew kompletament għall-immaginazzjoni tagħhom.

Wara li fl-aħħar sentejn din l-attivita’ annwali ġabret fondi għal Puttinu Cares u ghalll-Malta Community Chest Fund, din is-sena l-għalliema li ħadu din l-inizjattiva ddeċidew li l-flus miġbura jmorru għall-Hospice, moviment li jgħin persuni morda bil-kancer u qraba tagħhom.

Il-figolli se jkunu qed jinbiegħu l-ġimgħa d-dieħla f’Daniels Shopping Complex fil-Hamrun mill-istudenti stess.