Unjoni Ewropea

Ħidma konkreta fil-PE biex id-drittijiet u l-interessi tal-Maltin ikunu mħarsa bl-aħjar mod

Matul l-aħħar sena ħdimt b’mod konkret fil-Parlament Ewropew biex ikun żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin ikunu mħarsa dejjem u bl-aħjar mod. Kien dan il-messaġġ tal-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt it-tnedija tal-kampanja tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hi enfasizzat fuq kemm il-Parlament Ewropew hu mportanti għaċ-ċittadini għax jitratta suġġetti li jolqtu direttament lill-poplu.

Metsola ddeskriviet il-Parlament Ewropew bħala tarka taċ-ċittadini u fissret kif wara li kisbet il-fiduċja tal-MEPs l-oħra, inħatret f’diversi Kumitati Parlamentari minfejn ħadmet b’mod effettiv biex iġġib bidla favur il-poplu. Fost oħrajn, hi semmiet il-ħidma tagħha biex il-kwistjoni taċ-Ċittadinanza ġiet diskussa fuq livell Ewropew, kif ukoll il-kwistjoni tat-tanker tal-gass li l-Gvern Laburista se jankra fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. F’dan il-każ, ir-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta marru għandha u ġabret petizzjoni biex twassal it-tħassib tagħhom quddiem il-Parlament Ewropew.

Roberta Metsola fakkret kif kienet strumentali wkoll biex pajjiżna akkwista żieda fil-Baġit allokat lil Malta ħalli tkun tista’ tiffaċċja l-isfida tal-immigrazzjoni. Mistoqsija dwar fuq xiex se tiffoka l-ħidma tagħha jekk il-poplu jafdaha bil-vot tiegħu, Metsola wegħdet li tkompli tuża’ l-Parlament Ewropew bħala tarka li tiddefendi liċ-ċittadin.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kieku kellu jistaqsi lin-nies kemm ilha MEP Roberta Metsola, jinsab ċert li r-risposta tkun snin twal. Madankollu, ir-realtà hi li Roberta ilha anqas minn sena li ġiet eletta, iżda tant ħadmet li tagħti din l-impressjoni.

Simon Busuttil iddeskriva lil Roberta Metsola bħala persuna mimlija enerġija li taħdem fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin. Hu żied li Roberta Metsola għandha l-kompetenza meħtieġa u l-Partit Nazzjonalista hu kburi li Roberta Metsola għal darb’oħra reġgħet qed tikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hu qal li fis-sena li Roberta Metsola ilha Membru Parlamentari Ewropew sarrfet l-esperjenza qawwija tagħha f’ħidma konkreta u taħdem b’dedikazzjoni.

Simon Busuttil qal li meta wieħed iħares lejn l-aħħar leġiżlatura, faċilment jinnota li żewġ MEPs wettqu aktar minn erbgħa tal-Partit Laburista. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jimmira għat-tielet siġġu fl-elezzjoni ta’ Mejju li ġej, biex il-ħidma favur il-poplu Malti tkompli tissaħħaħ.

Madankollu, hu wissa’ li trid issir ħidma kbira biex jinkiseb dan ir-riżultat għax din mhix se tkun xi ħaġa daqstant faċli.