Pospost id-deliberazzjoni tal-ġurati għax ma waslux għal deċiżjoni
Il-ġurati li daħlu jiddeliberaw fil-ġuri ta’ Arnold Farrugia, ta’ 44 sena minn Ħal-Luqa u residenti Ħaż- Żebbuġ, għall-ħabta tal-5.00 p.m. ma waslux għall-verdett sas-7.30 p.m. bl-Imħallef jissospendi d-deliberazzjoni u jordnalhom ikompli bid-deliberazzjoni l-Erbgħa filgħodu (dalgħodu). Il-ġurati kienu daħlu biex jiddeċiedu wara indirizz twil ta’ l-Imħallef Laurence Quintano li bejn it-Tnejn u t-Tlieta dan ifiehem il-proċċeduri lill-ġurati għal kważi seba’ sigħat. Mhux magħruf jekk il-ġurati jaslux għall-verdett it-Tlieta filgħaxija, jew jekk jitolbux lill-Qorti biex ikompli bix-xogħol tagħhom l-Erbgħa, 9 ta’ April.
Dan kollu wara li d-difiża u l-Prosekuzzjoni għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom fejn bdew minn nhar is-Sibt li għadda u spiċċaw it-Tnejn li għadda wara nofs inhar.
Farrugia li beda għaddej ġuri nhar it-Tlieta l-1 ta’ April qed jiġi mixli b’pussess, assoċjazzjoni u mportazzjoni ta’ droga kokaina. Id-droga kienet instabet fi “trailer” li huwa proprjetà tal-imputat. It-“trailer” kien wasal minn Genoa fis-sajf ta’ disa’ snin ilu. Kienu nstabu b’kollox sitt kilos kokaina, b’valur fit-triq ta’ €500,000.
Il-każ imur lura għall-25 ta’ Lulju tal-2005. Fit-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat Arthur Azzopardi li qed jidher għall-akkużat flimkien mal-Avukat Edward Gatt, qal li l-akkużat bl-ebda mod ma kien involut f’dan il-każ għax u qatt ma kien mat-“trailer” il-ħin kollu. Tenna li l-akkużat fil-fatt kien wasal Malta ferm qabel it-“trailer” u għalhekk ma hemmx konnessjoni bejnu u bejn is-sejba tad-droga.
Min-naħa l-oħra, l-Avukat Lara Lanfranco li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni, f’isem l-Avukat ġenerali qalet li l-affarijiet f’dan il-każ ma seħħewx b’kumbinazzjoni. Sostniet li nstabet imporonta diġitali tal-akkużat fuq il-pakkett tad-droga. Qalet li din kienet operazzjoni professjonali u kienet tinvolvi flus sostanzjali, u grazzi għax-xogħol utli tal-Pulizija Maltija, l-każ ġie solvut.
//= $special ?>