Lokali

Il-Gvern u l-Pulizija jaħbu għal ħamest ijiem inċident tat-traffiku li fih kien involut il-Ministru Owen Bonnici

Kellhom jgħaddu kważi ħamest ijiem biex il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici joħroġ stqarrija ħalli jinforma lill-poplu Malti dwar l-inċident tat-traffiku li kien involut fih tard il-Ħamis filgħaxija u li ħalla ġuvni l-Isptar b’sieq miksura. L-istqarrija ħarġet wara li NET News ilbieraħ żvela l-istorja u fiha l-Ministru Bonnici ammetta d-dettalji kollha li żvelajna sagħtejn qabel.

Kien fil-bulettin tal-aħbarijiet tas-7.30pm li NET News ilbieraħ żvela d-dettalji kollha tal-inċident, li seħħ il-Ħamis li għadda fil-bypass ta’ Santa Venera, ftit ‘il barra mill-mina. Dak il-ħin, waqt li kien qed isuq il-karozza personali tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja tajjar żewġ żgħażagħ, li wieħed minnhom spiċċa l-Isptar Mater Dei fejn kellu jigi operat b’mod urġenti għax sofra xi ksur f’saqajh. Iż-żgħażagħ kienu maġenb karozza wieqfa.

Dwar dan l-inċident ma ħarġet l-ebda stqarrija tal-Pulizija, minkejja li l-każ involva feriti kkunsidrati bħala serji. Għalhekk, qabel żvela l-istorja, NET News bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija, li min-naħa tagħha kkonfermat li kien seħħ il-każ, iżda ma weġbitx il-mistoqsijiet u rrifjutat li tagħti d-dettalji tal-każ. Anke l-Gvern, bħall-Pulizija, għażel li jaħbi dan l-inċident u ma nħarġet l-ebda stqarrija mill-Ħamis sat-Tnejn filgħaxija. Dak il-ħin, il-Ministeru tal-Ġustizzja mmexxi minn Owen Bonnici stess ikkonferma kelma b’kelma l-istorja żvelata waqt NET News.

Fl-istqarrija tal-Gvern intqal li l-Ministru u s-sid tal-karozza qed jirrisolvu l-pendenzi ċivili b’mod bonarju, iżda l-istqarrija stess tgħid li hemm proċess li qed jiġi segwit mill-Pulizija kif jiġri f’każi bħal dawn, fis-seduta tat-traffiku. Għalhekk, mhux eskluż li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jkollu jidher quddiem il-Qorti proprju minħabba dan il-każ, li wassal biex żagħżugħ isofri minn feriti gravi. Fl-istqarrija stess, hemm ammissjoni li ż-żagħżugħ li tajjar Owen Bonnici sofra minn ksur fl-irkoppa u nżamm l-Isptar għal jumejn. Għalhekk, minkejja li ż-żewġ partijiet ftehmu fuq il-każ ċivili, il-Pulizija xorta trid tieħu passi fil-Qorti la kien hemm feriti gravi.

Il-Ministeru ta’ Owen Bonnici qal li fil-post tal-inċident waslet il-Pulizija, li għamlet rapport bħalma jsir f’kull inċident ieħor. Dikjarazzjoni li tqanqal dubji għaliex baqgħet ma nħarget l-ebda stqarrija tal-Pulizija u min ħa din id-deċiżjoni. Il-każ ma ġiex rappurtat lanqas fuq il-paġna tal-Facebook tal-Korp tal-Pulizija.

[headlines headline=”h3″]Il-Pulizija ma tgħidx lanqas li karozza tal-Korp involuta f’inċident li fih tifla spiċċat fil-periklu tal-mewt[/headlines]

Dan hu t-tieni każ li fih, għal xi raġuni, il-Pulizija ħbiet dettalji dwar inċidenti serji tat-traffiku. F’inċident ieħor, li seħħ il-Ħadd filgħaxija fi Triq il-Beżbiżija fil-Mosta, tifla ta’ tmien snin spiċċat fil-periklu li titlef ħajjitha. Madankollu, kemm fl-istqarrija mibghuta lill-media kif ukoll fuq il-post fil-Paġna tal-Korp fuq Facebook, il-Pulizija qalet biss li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Corolla u Ford Focus, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 23 sena mis-Swieqi.

Iżda l-istqarrija ma qalitx li l-Ford Focus involuta fil-ħabta, u li ħalliet lit-tifla fil-periklu li titlef ħajjitha, hi vettura tal-Korp tal-Pulizija u s-sewwieq jidher li kien Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.