Edukazzjoni Lokali

Il-PN jilqa’ l-istedina għad-diskussjoni dwar l-Avviż Legali li jagħti aċċess għal informazzjoni lill-Ministru tal-Edukazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-istedina tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo biex issir diskussjoni wara li l-Gvern daħħal baxx baxx Avviż Legali, li se jagħti poteri straordinarji ħalli l-istess Ministru jikseb aċċess għal informazzjoni privata ta’ kull student mill-ewwel sena tal-iskola sa meta dan jiggradwa mill-istituzzjonijiet edukattivi.

Id-dibattitu dwar il-Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex jiġi revokat dan l-Avviż legali se ssir fil-Parlament fis-seduta tat-Tnejn li ġej. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil enfasizza li l-Partit Nazzjonalista jrid li dan l-Avviż Legali jinbidel jew jiġi revokat għax li xi ħadd ikollu aċċess anke għall-Karta tal-Identità mhux sempliċiment għal skop ta’ studju u ricerka, kif qal il-Ministru Bartolo.

Meta kien qed jitkellem mar-rappreżentanti ta’ numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, il-Kap tal-PN kompla li l-Partit Nazzjonalista ma jemminx li l-Ministru għandu jkollu din il-massa ta’ nformazzjoni f’idejh mingħajr ebda kontroll u kontra kull salvagwardja tal-informazzjoni personali. Il-laqgħa saret fid-Dar Ċentrali u kienet l-ewwel waħda minn serje ta’ laqgħat li l-PN se jkun qed jagħmel mal-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti f’pajjiżna, bl-għan li jiddiskuti issues li jolqtu lil din il-kategorija tas-soċjetà.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar u mill-Kelliem għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar. Għal-laqgħa attendew rappreżentanti tal-SDM u l-Pulse, kif ukoll rappreżentanti tal-ghaqdiet tal-istudenti fl-MCAST u l-Junior College, il-KSU u l-GUG. Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-għaqdiet u semma’ fost l-oħrajn iż-żjara li kellu matul l-iStudent Fest fl-Unviersità ta’ Malta.

Matul l-iStudent Fest, il-KSU wera kemm jirrappreżenta lill-istudenti meta ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-Avviż Legali li ddaħħal baxx baxx mill-Ministru Evarist Bartolo. Stqarrija li permezz tagħha, il-KSU ddefenda d-dritt tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali tal-istudenti. It-terminu tal-KSU jispiċċa matul din il-ġimgħa, hekk kif il-Ħamis li ġej issir l-elezzjoni biex jinħatru r-rappreżentanti l-godda għas-sena li ġejja.

[headlines headline=”h3″]Ikomplu joħorġu aktar stqarrijiet ta’ kundanna[/headlines]

Il-Forum għall-Opportunitajiet Indaqs esprima l-inkwiet tiegħu dwar l-Avviż Legali u qal li dan hu Avviż Legali fundamentalment ħażin, kemm fil-prinċipju kif ukoll fih innifsu, u jmur kontra l-prattiċi ta’ kontroll xierqa tal-informazzjoni personali.

Il-Forum qal li l-akbar tħassib tiegħu hu l-fatt li l-Ministru tal-Edukazzjoni qiegħed lilu nnifsu ‘l fuq mil-Liġi għax dan l-Avviż Legali se jagħti poter lill-istess Ministru li jitlob informazzjoni dwar studenti partikolari. Il-Forum għall-Opportunitajiet Indaqs hu mħasseb ukoll għall-fatt li l-Ministru Bartolo qed jinjora lill-ġenituri meta jgħid li dawn m’għandhomx x’jaqsmu għax l-informazzjoni se tinkiseb mill-iskejjel.

Anke l-Assoċjazzzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal fi Skejjel tal-Knisja esprimiet tħassib dwar dan l-Avviż Legali u qalet li dan jagħti poteri kbar ħafna lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jaċċesssa informazzjoni personali u sensittiva dwar l-istudenti. L-Assoċjazzjoni nsistiet li għandha tingħata definizzjoni ċara għal dawk li qed jissejħu “skopijiet ta’ riċerka” u sostniet li dan l-Avviż Legali ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar kif se tintuża’ l-informazzjoni.