Lokali

Filmat: Joseph Cuschieri jħabbar uffiċjalment li mhux se jikkontesta għall-PE

[headlines headline=”h3″]Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-PE jgħid li l-PL diġà ddeċieda min għandhom ikunu l-MEPs u l-‘Magna tal-Partit’ qed timbotta lilhom biss[/headlines]

Issa hi aħbar uffiċjali li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri mhux se jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. Kien Cuschieri stess li ddikjara d-deċiżjoni tiegħu pubblikament waqt programm televiżiv. Hu spjega d-deċiżjoni tiegħu billi qal li l-Partit Laburista diġà ddeċieda min għandhom ikunu l-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’ismu u l-‘Magna tal-Partit’ qed timbotta lilhom biss.

Cuschieri għamel l-akkuża waqt il-programm “Frux” fuq l-istazzjon Xejk TV. Fl-istess intervista, hu allega li xi kandidati ħadu vantaġġ fuq oħrajn, b’mod partikolari fuq il-media tal-Partit Laburista. Joseph Cuschieri qal li hu kien ilmenta dwar din is-sitwazzjoni diversi ġimgħat ilu, kemm mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat kif ukoll mal-President tal-Partit, iżda ma nbidel xejn.

Joseph Cuschieri allega mill-ġdid li l-media Laburista hi manipulata biex taġevola ċerti kandidati. Hu qal li konvint li l-poplu kapaċi jivvota lil min verament jistħoqqlu, iżda mhux jekk ikun hemm manipulazzjoni fil-media. Fi tmiem il-programm, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista qal li hu għandu mpjieg mal-Partit Laburista u se jirritorna f’dak l-impjieg meta jispiċċa l-mandat tiegħu f’Mejju li ġej.

Ftit tal-jiem ilu, l-MEP Laburista reġa’ tella’ fuq Facebook dak li kien qal il-Prim Ministru Muscat fuq l-istazzjon televiżiv Laburista meta faħħru għax ċedielu postu biex jidħol fil-Parlament Malti. Dakinhar, Muscat kien iddeskriva dan bħala xhieda ta’ sagrifiċċju u sprirtu ta’ tim. B’ċerta ironija, taħt l-istess post fuq Facebook, Cuschieri kompla jikteb li “fis-sigħat u l-jiem li ġejjin tkunu nfurmati dwar id-deċiżjoni tal-futur politiku tiegħi u x’wassalni għat-tali deċiżjoni”.

[headlines headline=”h3″]Marlene Farrugia tappoġġa dak li qal Cuschieri[/headlines]

Fil-paġna tagħha fuq Facebook, id-Deputata Laburista Marlene Farrugia esprimiet l-appoġġ tagħha għal dak li qal Joseph Cuschieri. Hi qalet li l-‘Magna tal-Partit’ qed tkisser il-Moviment Laburista u li l-poplu vvota favur politika trasparenti u ta’ kontabbilità.

(Ritratt: Joseph Cuschieri u Joseph Muscat fl-2008)