Il-Power Station il-ġdida tal-BWSC f’Delimara, li hi aktar effiċjenti u flessibbli, diġà tat riżultati mill-aqwa mhux biss fit-tnaqqis fl-ispiża tal-ġenerazzjoni tal-eletrtriku, iżda wkoll fit-tnaqqis fl-emissjonijiet permezz ta’ teknoloġija avvanzata. Dan l-impjant kien imur perfett mal-interconnector li kien jintuża’ bil-kapaċità tiegħu kollha biex jipproduċi 200MW ta’ enerġija bi prezzijiet orħos mill-enerġija ġġenerata f’Malta.
L-elettriku mill-interconnector jista’ jinxtara bi prezz tant baxx ta’ 8ċ/unit u din tkun enerġija ġġenerata xi mkien ieħor, jiġifieri bla ebda emissjonijiet f’pajjiżna. “Ir-riżultat? Tariffi orħos iżda wkoll arja aktar nadifa”. Hekk sostniet Melanie Hart fl-opinjoni li kitbet fil-jiem li għaddew f’The Times of Malta, bit-titlu “Get a second Interconnector“. Hart ħadmet għal erba’ snin bħala Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Korporazzjoni Enemalta.
Fl-artiklu tagħha, hi spjegat il-konsum massimu tal-enerġija llum f’Malta fix-Xitwa u fis-Sajf, kif ukoll dak li qed tiġġenera l-Enemalta bil-Power Station ta’ Delimara, inkluż bl-impjant il-ġdid li nvesta fih Gvern Nazzjonalista biex tilqa’ għal din id-domanda. Qalet li sa tmiem din is-sena, meta hu skedat li jkun lest l-interconnector u allura tingħalaq il-Marsa, dan kien ikun aktar milli biżżejjed.
Għaldaqstant, kompliet tikteb Melanie Hart, jekk qatt kien hemm il-ħtieġa ta’ dibattitu bħalma kellna dwar l-enerġija f’pajjiżna, dan ma kellux ikun fuq il-Heavy Fuel Oil (HFO), il-Gas Oil jew il-gass, iżda fuq meta għandna nibdew naħdmu fuq it-tieni interconnector. Il-kjass kollu li kien hawn biex naqilbu fuq il-gass, biex niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija, fil-fehma tal-eks Uffiċjal tal-Enemalta naqas milli jindirizza numru ta’ aspetti mportanti.
Fost dawn hemm il-bdil ta’ dak li qed jintuża’ llum biex immorru minn taħlita ta’ HFO u diesel li llum nixtru minn sorsi differenti fis-suq internazzjonali għall-gass LNG, li issa se jibda jinxtara b’kuntratt mingħand kumpanija waħda. Anke meta eventwalment jitlesta l-pipeline tal-gass mal-Italja u jibda jintuża’, xorta se nkunu qed nixtru mingħand sors wieħed.
Kuntrarju għal dan, l-interconnector ma jkunx limitat għal sors wieħed u Malta tkun tista’ tixtri mingħand kumpaniji differenti li diġà jeżistu fis-suq Taljan. Hemm, is-suq tal-elettriku hu ferm aktar liberalizzat minn dak tal-gass u aktar importanti minn hekk, il-kumpaniji jipproduċu l-enerġija minn sorsi differenti, fosthom mir-riħ u mix-xemx.
Melanie Hart tkompli tgħid li aktar inkwetanti minn hekk hu l-fatt li għax-xiri tal-gass, Malta se tkun tiddependi fuq kumpanija taż-żejt li hi waħda statali, is-SOCAR tal-Azberaijan, meta kulħadd jaf li l-Gvern ta’ dan il-pajjiż m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. B’ironija, tikkummenta li dan bl-eda mod ma jista’ jissejjaħ sors “sikur”. Għall-kuntrarju ta’ dan kollu, tgħid Melanie Hart, b’interconnector ieħor ma’ Sqallija, li x-xogħol fuqu diġà kien beda mill-Enemalta, kienet tkun eliminata l-problema tat-tanker b’ħażna permanenti ta’ gass f’Marsaxlokk u mpjant ieħor fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta li wkoll jipproduċi emissjonijiet.
//= $special ?>