Waqt attività fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech irrefera għall-aħħar ċifri nkwetanti li kien għadu kif ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Hu ħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza l-ħidma tiegħu lejn il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad għax hu b’hekk biss li l-ekonomija tikber u l-poplu jgħix aħjar.
Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar l-investiment ta’ Gvern Nazzjonalista fil-Kottonera, li qed jirriżulta f’riżultati pożittivi għal dawn l-ibliet. Qal li m’hemmx dubju li dawn il-proġetti li twettqu, ħolqu x-xogħol u kkontribwew biex, kuntrarju għal dak li qed jiġri llum, pajjiżna kellu fost l-anqas rati tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea.
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista qal li l-proġetti tal-Kottonera wasslu wkoll biex aktar turisti llum qed iżuru dawn l-inħawi u biex aktar barranin qed jixtru propjetà li kienet abbandunata fit-tlett ibliet. Il-proġetti, temm jgħid Zammit Dimech, kienu maħsubin biex il-Kottonera, li hi benniena tal-istorja u l-kultura tagħna, tieħu sehemha mill-ġid li ġie ġġenerat f’pajjiżna fl-aħħar snin. Hu fakkar li meta kien Ministru responsabbli minn diversi oqsma, ta sehemu biex jinħoloq dan il-ġid.
//= $special ?>