Qorti

L-iskandlu tal-iSmart Meters fl-Enemalta – Persuna oħra tammetti l-akkużi miġjubin kontriha

Persuna oħra akkużati bi tbagħbis ta’ Smart Metres ammettiet fil-Qorti meta komplew jinstemgħu diversi każijiet quddiem il-Maġistrat Carol Peralta. Kien Richard Gauci ta’ 47 sena mir-Rabat li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih bis-sentenza mistennija tingħata fil-futur qarib f’seduta oħra.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni dwar it-tbagħbis fl-ismart meters, l-Inġinier Carmel Scerri esebixxa tliet meters imbagħbsin li kienu twaħħlu fid-djar rispettivi tat-tliet persuni li xehdu fis-seduta tat-Tlieta wara nofs inhar. Il-meters kienu jaqraw bejn 59 fil-mija u 63 fil-mija inqas milli suppost. L-akkużati fil-kumpilazzjoni huma Emanuel Micallef u Richard Gauci.

Dan tal-aħħar li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u fiż-żmien li ġej meta jsiru s-sottomissjonijiet mid-difiża u l-Prosekuzzjoni għandha tingħata s-sentenza. Fil-kumpilazzjoni ta’ Micallef xehdu tliet konsumaturi kif ukoll l-Inġinier Scerri. George Mifsud minn Ħal Qormi tenna li kien iltaqa’ mal-imputat f’ħanut tat-te fir-Rabat u minn hemm saru jafu lil xulxin.

Mifsud kien għamel xi xogħol ta’ għamara għall-akkużat u żammlu biss tal-materjal. Darba minnhom bejniethom ġie d-diskors dwar il-kontijiet tad-dawl u Mifsud staqsa lil Micallef kif taħdem is-sistema biex wieħed jibdel il-meter l-antik għal wieħed modern.

L-akkużat infurmah li seta’ jwaħħallu smart meter li ma jaħlix dawl, u ta’ dan talbu €1,500. Din is-somma Mifsud għaddieha lil Micallef fi flus kontanti dakinhar li Micallef waħħallu l-ismart meter. Xhud ieħor kien Joseph Stivala minn Ħal Luqa. Dan kien għamel talba lill-Enemalta biex jitwaħħallu meter ġdid minflok l-antik li kellu.

Mar għandu l-akkużat u l-kliem waqa’ dwar il-kontijiet għoljin. Micallef qal lil Stivala li seta’ jirranġalu u jġiblu meter li jaqra inqas, għall-prezz ta’ €1,300. Xi ġranet wara l-akkużat mar iwaħħallu dan il-meter u Stivala tah il-flus kif miftiehem. It-tielet xhud kien Carmelo Agius minn Ħal Qormi, li jaħdem bit-trakkijiet u spiss jieqaf jieħu te minn ħdejn is-Sea Malta, il-Marsa.

Darba waqt li kien qed jieħu te, hu u xi nies oħra fil-ħanut bdew jitkellmu dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Malli Agius ħareġ mill-ħanut, ħareġ warajh l-imputat u offrielu li jirranġalu biex il-meter jaqra inqas.

L-imputat introduċa lilu nniffsu bħala Leli li jaħdem l-Enemalta. “Dan qalli li l-kont tad-dawl kien se jonqosli bejn 20 jew fil-mija. Jien aċċettajt li nagħtih €1,000 talli kien se jaqdini”.
Erbat ijiem wara, Micallef mar fid-dar ta’ Agius u qalagħlu l-meter. Wara xi tliet sigħat bla dawl, twaħħal il-meter il-ġdid, li “jaqra anqas”.  Agius qal li hu nforma lil Enemalta u ħallas dak li kellu jħallas meta sema’ fuq l-iskema tal-maħfra.

Il-Prosekuzjoni dan il-ħin esebiet it-tliet metres imbagħbsa li huma propjeta’ tax-xhieda fejn ta’ Mifsud’s kien jirreġistra biss 37 fil-mija, ta’ Stivala 41 fil-mija u ta’ Agius’s 39 fil-mija tal-konsum.

F’kumpilazzjoni oħra dwar it-tbagħbis fl-ismart meters, l-Ispettur Daniel Zammit xehed li permezz tal-amnestija li tat l-opportunità lill-konsumaturi biex jirregolarizzaw ruħhom u jħallsu l-penali, avviċċnaw lill-Enemalta 400 konsumatur li minnhom il-Pulizija għadha sa issa kellmet 100.

F’din il-kumpilazzjoni, l-akkużati huma Anthony Mifsud ta’ 50 sena mir-Rabat, li jaħdem bħala “skilled labourer” mal-Enemalta, u Martin Cilia La Corte, ta’ 49 sena minn Marsaskala. Cilia La Corte jaħdem bħala fattiga fl-isptar San Vinċenz de Paule iżda kien l-intermedjarju (middleman) bejn il-konsumaturi u dawk li kienu jwaħħlu l-ismart meters imbagħbsin.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Zammit qal li bis-saħħa tal-amnestija nġabret ħafna informazzjoni dwar aktar nies involuti f’dan il-każ, fosthom nies li kienu jagħmluha ta’ intermedjarji bejn il-klijenti u l-“fitters” li jwaħħlu l-ismart meters.

Kien hemm sitta jew seba’ klijenti li semmew lil Cilia La Corte bħala wieħed minn dawn l-intermedjarji. Dan ġie investigat u tteħditlu stqarrija fejn ċaħad l-involviment tiegħu.