Qorti

Libertà proviżorja għal Brittaniku mixli bi traffikar ta’ ecstacy u eroina

Brittaniku ta’ 31 sena ngħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li wieġeb mhux ħati li ttraffika 100 pillola ecstacy u għaxar pakketti li kien fihom id-droga kokaina. Simon Hegarty, ta’ 31 sena residenti l-Mosta, ġie mixli bi traffikar u pussess ta’ kokaina u ecstasy, liema pusses ma kienx għall-użu personali tiegħu, meta l-Ħadd li għadda allegatament inqabad b’din id-droga.

Hegarty wieġeb ukoll li mhux ħati li kkommetta reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li saq karozza mingħajr polza tas-sigurtà u liċenzja tat-triq. Hu kien arrestat wara li waqqfuh il-Pulizija minħabba li kellhom suspett li kien se jipprova jidħol f’karozza mhux propjetà tiegħu. Kien hawn li l-Pulizija rrealizzaw li l-karozza kienet tiegħu u li kien fiha d-droga. Hegarty ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000.

L-avukat Roberto Montalto deher għal Simon Hegarty, filwaqt li l-Ispettur Gabriel Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni.