Il-gvern Laburista għadu kemm mela ‘l Malta u l-gazzetti b’reklami politiċi dwar ir-roħs li suppost beda jseħħ fil-kontijiet tal-elettriku fl-aħħar ġranet, mill-1 t’April; reklami politiċi mħallsin minn flus il-poplu, minn flusi u minn flusek. Reklami għal dak li Muscat fih ma jaqilgħu ħadd: jiddandan b’rix ħaddieħor.
L-unika ħaġa ġdida minn Muscat: tanker kbir antik tal-gass
Għax ir-roħs li qed iseħħ hu kollu frott tal-proġetti ta’ gvern Nazzjonalista tant li Muscat għadu m’għamel xejn milli wiegħed fis-sustanza fl-enerġija. Il-power station li suppost se tinbena mill-privat għadha pjanta fuq il-karta u li sar ġdid minn Muscat hu li se jforniha bil-gass b’tanker kbir antik sorġut f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk.
Roħs grazzi kollu għall-power station tal-BWSC
Mela kif sar ir-roħs issa? Ir-roħs sar grazzi kollu għall-proġett ta’ gvern Nazzjonalista tal-power station il-ġdida tal-BWSC, dik li Muscat tant ħambaq kontriha u ma riedha b’xejn. L-impjant tal-BWSC fetaħ xahar qabel l-elezzjoni ġenerali u qed jiffranka lill-pajjiż 50 miljun ewro fis-sena; jiġifieri s’issa, f’aktar minn sena, il-pajjiż diġà ffranka 65 miljun ewro bis-saħħa ta’ gvern Nazzjonalista, u minnhom Muscat ma tana xejn.
Diġà ffrankajna 65 miljun u Muscat se jagħti biss in-nofs tal-iffrankar minn issa
Issa minn dak li l-pajjiż għad irid jiffranka bis-saħħa tal-politika għaqlija ta’ gvern Nazzjonalista fl-enerġija – 50 miljun ewro fis-sena kull sena – Muscat se jagħti roħs li hu stess qed jgħid li jiġi 25 miljun ewro fis-sena – in-nofs biss.
Iċ-Ċiniżi xtraw speċifikament l-impjant tal-BWSC
Apparti minn dan, tant kien tajjeb il-proġett tal-gvern Nazzjonalista, li mhux talli qed jiffranka lill-pajjiż id-doppju tar-roħs li Muscat issa qed jiddandan b’rix ħaddieħor bih, talli Muscat ġab liċ-Ċiniżi u, meta staqsiehom x’iridu jixtru mill-EneMalta, iċ-Ċiniżi qalulu bil-preċiż: ara dak irridu nixtru, l-impjant tal-BWSC.
L-aqwa ċertifikat għall-politika tal-enerġija ta’ gvern Nazzjonalista
Jiġifieri, l-istess impjant li Muscat tant maqdar u stinka kontrih issa qed jiftaħar b’nofs ir-roħs frott ta’ gvern Nazzjonalista u l-akbar ċertifikat ta’ dan l-investiment tawhulu ċ-Ċiniżi li xtrawh b’aktar minn kemm sewa lill-gvern Nazzjonalista.
L-interconnector-cable se jkun proġett ieħor ta’ gvern Nazzjonalista…
U aktar. Għax il-gvern Nazzjonalista beda wkoll il-proġett tal-interconnector cable ma’ Sqallija li bih se nkunu nistgħu nixtru elettriku b’irħis mis-suq ħieles Ewropew tal-enerġija u li diġà minn issa qed joffri elettriku b’orħos milli Muscat se jġegħelna nħallsu lill-power station privata tal-gass; għażla stramba ta’ Muscat li tinten ħafna meta qed jintrabat għal 18-il sena biex jixtri elettriku ogħla minn tal-interconnector.
… imma Muscat se jintrabat jixtri elettriku ogħla minn tal-interconnector
Mela issa nistgħu naraw ċar x’qed jagħmel Muscat fuq l-enerġija: jiddandan bir-roħs li hu biss nofs il-frott tal-power station li saret minn gvern Nazzjonalista u wkoll saħansitra jintrabat ma’ power station privata għal 18-il sena bi prezz ogħla minn dak li għad joffrilna proġett ieħor magħmul ukoll minn gvern Nazzjonalista.