Qorti

Ordnat jagħmel 100 siegħa xogħol fil-kommunita’ wara li ammetta 10 akkużi

Tonio Grixti ta’ 23 sena mill-Belt Valletta minbarra li ngħata ordni ta’ probation ġie ordnat jagħmel 100 siegħa ta’ xogħol fil-kommunita’ mingħajr ħlas wara li ammetta l-10 akkużi miġjubin kontrih, li kienu jinkludu feriment ħafif fuq persuna oħra, li wettaq ħsara fi propjeta’ tal-Pulizija u li sar reċidiv.

Grixti ammetta li fera ħafif lil Robert Norman Cauchi, kisser il-bieb taċ-ċella tiegħu, hedded uffiċjali tal-Pulizija, kien fis-sakra fil-pubbliku, kiser il-paċi pubblika, ta nformazzjoni qarrieqa lill-Pulizija u li sar reċidiv.

L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt li għadda barra stabbiliment f’Paceville. Grixti skużu ruħu mal-Pulizija għal aġir tiegħu u ta l-kelma tiegħu li ma jerġax jirrepeti nċidenti simili.
Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li fil-passat Grixti kien diġa’ mmultat u tpoġġa taħt probation għall-perjodu ta’ sitt xhur fuq akkużi li offend ail-morali pubblika u li uża kliem oxxen.

“Milli jidher int ma ħadtx il-lezzjoni għall- aktar minn darba. L-agħar ħaġa hi li spiċċajt fis-sakra, weġġgħjt persuna oħra, ma obdejtx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u żvogajt ir-rabja tiegħek fuq propjeta’ privata,” il-Maġistrat qal lil Grixti.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja wissa lil Grixti għall-azzjonijiet tiegħu. Qallu li jekk ħaseb l-arrest ma kienx wieħed ġustifikat, huwa messa aġixxa mod ieħor u mhux jħebb għall-uffiċjali.

Huwa tpoġġa taħt probation ta’ tliet snin flimkien ma’ xogħol fil-kommunita’. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.