Ekonomija

Titjib fil-kompetittività ta’ pajjiżi f’diffikutajiet ekonomiċi jista’ jkun sfida għal Malta

It-titjib fil-kompetittività ta’ pajjiżi f’diffikultajiet ekonomiċi jista’ jkun ta’ sfida għall-ekonomija Maltija. Dan sostnieh il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) Prof Josef Bonnici meta ppreżenta r-Rapport Annwali tal-BĊM għall-2013. Josef Bonnici qal li hu essenzjali li żieda fil-pagi f’Malta tkun sostnuta b’titjib fil-produttività, filwaqt li enfasizza l-importanza li Malta tibqa’ flessibbli fil-ħolqien ta’ swieq speċjalizzati ġodda.

Dwar is-settur bankarju, il-Gvernatur tal-BĊM sostna li dan jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti biex l-ekonomija lokali tiflaħ għall-iskossi esterni u l-alllineament mal-grupp ta’ ekonomiji aktar b’saħħithom fiż-Żona Ewro. Meta tkellem dwar l-ekonomiji internazzjonali, Josef Bonnici qal li l-irkupru ekonomiku baqa’ mrażżan bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, għalkemm qed jissaħħaħ gradwalment f’ekonomiji avvanzati.

Prof Bonnici sostna li l-ekonomija Maltija kompliet tkun aktar effiċjenti mill-medja taż-Żona Ewro, fejn it-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross reali kiber għal 2.4% fl-2013 minn 0.6% sena qabel. Il-Gvernatur tal-BĊM qal li d-domanda domestika rkuprat, iżda t-tnaqqis fl-esportazzjoni dgħajjef it-tkabbir ekonomiku. Għall-2014, il-BĊM qed ibassar li r-rata tal-espansjoni ekonomika se tibqa’ sostnuta minħabba aktar irkupru fid-domanda domestika u kontribut negattiv ħafna anqas tal-esportazzjoni.

Dwar l-impjiegi, Josef Bonnici qal li f’Malta dawn kienu f’medja ta’ 3.1% aktar minn sena qabel. Minħabba li l-provvista tal-ħaddiema żdiedet b’pass aktar mgħaġġel, ir-rata tal-qgħad żdiedet bi ftit. Jirriżulta li r-rata tal-qghad kienet f’medja ta’ 6.5% fl-2013, marġinalment ogħla minn dik reġistrata fl-2012. Ir-Rapport Annwali tal-BĊM jinnota wkoll li r-rata tal-għoli tal-hajja f’Malta naqset għal medja ta’ 1% meta mqabbel mat-3.2% fl-2012. Dan it-tnaqqis seħħ minħabba żviluppi fil-prezzijiet tas-servizzi.

Ir-rapport jiffoka wkoll fuq l-iżviluppi fiskali, fejn il-BĊM jistma li l-iżbilanċ tal-Gvern għall-2013 naqas għal 2.9% u mistenni jistabbilizza f’dak il-livell għall-2014. Id-dejn tal-Gvern hu stmat li żdied għal 71% tal-Prodott Gross Domestiku u mistenni jkompli jiżdied għal kważi 72% sa tmiem l-2014.