Qorti

Tliet Libjani jammettu li ferew barranin oħra waqt ġlieda

Tliet Libjani ammettew quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li ferew ħafif u li għamlu ħsara fi propjeta privata tard it-Tnejn filgħaxija f’San Ġiljan.  Il-ġlieda seħħet għall-ħabta tal-11.15 p.m.

Fausia Aluena Alhamed ta’ 32 sena, Shukri Abo Ghani El Massri ta’ 31 sena u Alhssin Omer Hssin Naser ta’ 34 sena bdiet meta dawn qabdu ma grupp ieħor ta’ barranin. L-argument eskala fi ġlieda fejn żewġt irġiel oħrajn, Bader Elsafrouri and Ahmed Mosbah Hassan sofrew minn ġrieħi ħfief.

Par nuċċalijiet tal-marka Oakley sunglasses propjeta’ ta’ ċertu Peter Tornyos insterqu waqt il-ġlieda. Sadanittant żewġ karozzi pparkjati, waħda tat-tip BMW propjeta’ ta’ Dwayne Reid u Kia ta’ Sergio Tanti ukoll spiċċaw bil-ħsara, tant kemm il-ġlieda eskalat.

Il-Qorti ikkundannat lil Alhamed  and El Massri 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin filwaqt li Naser ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.  Aktar minn hekk  El Massri kien ordnat iħallas is-somma ta’ €343 f’danni lil Sergio Tanti u €150 lil Peter Tornyos.

Minn naħa tiegħu Alhamed kien ordnat iħallas is-somma ta’ €592 f’danni lil Dwayne Reid. Il-Qorti poġġiet ukoll lill-vittmi Bader Elsafrouri u Ahmed Mosbah Hassan taħt ordni ta’ protezzjoni fuq garanzija ta’ €2,000, bil-kundizzjoni li l-ħatja ma jersqux lejhom. L-Ispettur Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni.