Żgur li kulħadd jiftakar id-dramm riċenti ‘Jien Inħobb Inti Tħobb’, li kien qajjem kontroversja fil-pajjiż minħabba n-natura tas-suġġett li tratta. Issa, l-istess kumpanija tal-produzzjonijiet se tkun qed terġa’ ttella’ fuq il-palk tat-teatru Malti, dramm ieħor. Din id-darba, fiċ-ċentru tad-dramm ħadd ħlief Mikiel Anton Vassalli.
Vassalli huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar personaġġi kontroversjali Maltin, u l-produzzjoni, li ġġib l-isem ta’ ‘Ċittadin Vassalli’ u li qed tittella’ minn ‘Staġun Teatru Malti’ se terġa’ tagħti l-ħajja lil dan iċ-ċittadin Malti li fi żmienu kien xi ftit jew wisq kontroversjali.
Id-dramm se jitella’ nhar il-11, 12 u 13 t’April fit-tmienja ta’ filgħaxija ġewwa t-Teatru Manoel u se jitratta l-ħajja ta’ Vassalli, bħala l-bniedem li kien iġġieled kontra l-kurrenti meta f’Malta kien hawn l-okkupazzjoni tal-Franċiżi. Fi kliem id-Direttur tad-dramm Mario Philip Azzopardi dak kien l-unika żmien fejn il-Maltin iġġieldu kontra l-liberta’ tagħhom stess.
Id-dramm m’huwiex lezzjoni tal-istorja, iżda juża l-fantasija sabiex ipoġġi fl-istampa id-diffikultajiet li Vassalli kien iħabbat wiċċu magħhom… diffikultajiet xi kultant anke’ miegħu innifsu. Matul id-dramm issir ukoll referenza permezz ta’ parallel bejn is-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien u s-sitwazzjoni politika li qed ngħixu fiha llum.
Il-biljetti għal dan id-dramm jinkisbu minn fuq is-sit tat-teatru Manoel –
www.teatrumanoel.com.mt.