Lokali

Wirja dwar il-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta’ Pesah

Is-Socjeta’ Filarmonika Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar se ttella’ wirja dwar il-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta’ Pesah li se tinfetah l-Erbgħa.

F’din il-wirja se jkun espost l-ikbar inkwadru bi smid ikkulurit. Permezz ta’ dan il-kwadru, is-Socjeta’ Filarmonika Maria Mater Gratiae qed tagħmel attentat biex ikun stabbilit rekord nazzjonali u internazzjonali fil-kategorija tal-ikbar opra ta’ arti maħduma kompletament bl-ismid.

F’konferenza tal-aħbarijiet, li saret fil-Kazin tas-Socjeta’, tħabbru aktar dettalji dwar dan l-inkwadru mill-President tas-Socjeta’ Joe Saliba. Prezenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.

L-inkwadru ġgantesk, maħdum kompletament bl-ismid minn Mario Aquilina, juri xena mill-mixja ta’ Ġesu’ bis-salib fi triqtu lejn il-Golgota. Il-kwadru hu rappreżentazzjoni ta’ inkwadru mill-Via Sagra tal-artist Spanjol Yzquierda, espost fil-Katidral tal-Immakuluta Kuncizzjoni f’Peoria ġewwa Illinois, f’Chicago, l-Istati Uniti.

Il-figuri maħduma fil-kwadru, huma ikbar minn persuni reali u biex saru ntużaw iktar minn 120 tonalita’  ta’ kulur differenti. Hu wkoll ikkalkulat li dan il-kwadru għandu piż ta’ aktar minn 200 kilogramma fi smid u kulur.