Ekonomija Kummerċ

Tnaqqis fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni

Aktar indikaturi inkwetanti għall-ekonomija. Statistika oħra tal-NSO pubblikata fl-aħħar sigħat terġa’ tikkonferma li kien hemm tnaqqis fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni anke fi Frar bir-riżultat li dak li jissejjaħ l-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali ta’ Malta kompla jiżdied.

Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fi Frar sew l-esportazzjoni kif ukoll l-importazzjoni naqsu, bit-tnaqqis f’dak li jimporta pajjiżna kien jammonta għal 35 miljun ewro, waqt li t-tnaqqis f’dak li nesportaw kien ferm akbar, ta’ 62 miljun.

Dan wassal biex l-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali ta’ pajjiżna – fi kliem ieħor id-differenza bejn l-esportazzjoni u l-importazzjoni – kienet fil-livell ta’ 122 miljun ewro, meta mqabbel mal-95 miljun ta’ Frar 2013. Li jfisser kważi 27 miljun ewro agħar mill-istess perjodu sena qabel.

L-istess statistika turi li s-sitwazzjoni kienet l-istess fl-ewwel xahrejn tas-sena l-ġdida meħudin flimkien. Meta l-importazzjoni naqset b’7 miljun ewro waqt li l-esportazzjoni naqset bi 19-il miljun biex id-differenza ta’ bejniethom kibret bi 12-il miljun ewro għal 220 miljun ewro.