Talanqas għoxrin studenti żgħażagħ spiċċaw midruba, b’uħud jaqilgħu daqqiet bi strument li jaqta’, waqt ‘aggrediment tal-massa’ li qajjem kaos u terrur fi skola ta’ Pittsburgh, fl-Istat ta’ Pennsylvania.
L-aħħar rapporti qalu li student ta’ sittax-il sena kien qed jinżamm taħt arrest bħala l-aggressur suspettat, u fejn ikien qed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija.
Filwaqt li ingħad li ż-żgħażugħ ‘uża żewġt iskieken biex jattakka lill-istudenti’, l-awtoritajiet kienu għadhom ma kkonfermawx ċerti dettalji sal-ħin li morna għall-istampa. Dan meta ma kenux esklużi ‘aktar arresti’, ‘l quddiem, u meta l-investigazzjoni kienet għadha fi stadju bikri.
L-attakk seħħ fil-kumpless ta’ Franklin Regional High School u fejn talanqas seba’ studenti qalgħu daqqiet ta’ sikkina f’żaqqhom u f’partijiet oħra ta’ ġisimhom. L-etajiet tal-maġġoranza tal-midruba jvarjaw minn erbatax għal sbatax-il sena u magħhom spiċċa ferut ukoll gwardjan tal-iskola.
Dawn ilkoll ittieħdu l-isptar għall-kura, fost rapporti li almenu tnejn fost il-feruti jinsabu f’sitwazzjoni ‘kritika’ u b’oħrajn mistennija jfiequ minn ġrieħi superfiċjali.
//= $special ?>
