Qorti

22 sena ħabs u mmultat €50,000 wara li nstab ħati 8-1

Arnold Farrugia, ta’ 44 sena minn Ħal-Luqa u residenti Ħaż-Żebbuġ, ġie kundannat 22 sena ħabs u mmultat is-somma ta’ €50,000 mill-Imħallef Laurence Quintano wara li bi tmien voti favur u wieħed kontra nstab ħati ta’ assoċjazzjoni għat-traffikar ta’ sitt kilos kokaina. Farrugia li huwa sid ta’ “trailor” li jġorr merkanzija minn u lejn Malta instab ħati li ġab il-kokaina f’Malta fis-sistema tal-friża tal-kontejner tiegħu, u li din kienet moħbija.

Hekk kif l-Imħallef Quintano qara s-sentenza li kienet tinkludi l-piena, Farrugia, l-membri tal-familja tiegħu u anke xi ħbieb infexxew f’biki ma’ jaqta’ xejn, kemm fl-awla, kif ukoll waqt li kienu ħerġin mill-istess awla fejn sari l-ġuri li beda nhar it-Tlieta, l-1 ta’ April. Wara aktar minn tmien siegħat ta’ deliberazzjoni bejn it-Tlieta filgħaxija u matul il-jum tal-Erbgħa l-ġurati finalment ħarġu b’verdett sod ta’ ħtija.

It-“trailer” kien wasal minn Genoa fis-sajf ta’ disa’ snin ilu fuq il-vapur Maltese Falcon u kien trakka f’Laboratory Wharf. Il-kokaina li nstabet kellha valur fit-triq ta’ madwar €500,000. Il-każ imur lura għall-25 ta’ Lulju tal-2005. Fis-sottomissjonijiet tagħha, id-difiża mmexxija mill-Avukati Arthur Azzopardi u Edward Gatt qalet li għandu jkun hemm uniformità fis-sentenza, u li Farrugia m’għandux jingħata piena bħal ma jingħataw “couriers” ġejjin u sejrin lejn Malta u li faqgħu lil pajjiżna bid-droga.

Min-naħa tagħha l-Avukat Lara Lanfranco li mexxiet l-Prosekuzzjoni, f’isem l-Avukat Ġenerali kkwotat żewġ sentenzi ta’ “couriers” li ngħataw piena għolja minkejja li l-ammont ta’ droga kien wieħed anqas. F’każ minnhom, l-Avukat Lanfranco qalet li għal tliet kilos kokaina, li l-purita’ tagħha kienet ferm anqas minn ta’ Farrugia, persuna mar 18-il sena ħabs.

Kien l-Assistant Kummissarju tal-Pulizija, Norbert Ciappara li kien solva l-każ dak iż-żmien fejn kien għadu Spettur tal-Pulizija. Hu kien taħt it-tmexxija ta’ dak li kien l-Kapħ tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ta’ dak iż-żmien Neil Harrison. Il-Pulizija kienet aġixxiet fuq informazzjoni kunfidenzjali, fejn kien hemm suspett qawwi li fit-“trailor” kien hemm id-droga. Għall-ewwel ma kien instab xejn, iżda meta t-“trailor” kien ġie skennjat, fil-ġemb tal-friża kienet instabet moħbija d-droga.