Sidien ta’ post fil-Ħamrun ippreżentaw Kawża Kostituzzjonali wara li, skont huma, inkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom għax din ir-residenza qed tkun okkupata mingħajr ebda titolu validu skont il-Liġi. Il-proċeduri bdew minn Emanuel Aquilina, Rita Aquilina u Rose Calleja kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u Carmen Gatt, li qed tgħix f’dan il-post.
Fir-Rikors ingħad li din il-proprjetà, li tinsab fi Triq Farsons, kienet ingħatat b’titolu ta’ enfitewsi temporanju għal 21 sena fis-17 ta’ April tal-1999 lil ċertu Joseph Gatt, missier Carmen Gatt.
Gatt kien miet meta l-enfitewsi temporanju ma kinitx ġiet konvertita f’kera u għalhekk, skont ir-Rikors, Carmen Gatt għadha tgħix fil-post mingħajr ebda titolu validu skont il-Liġi.
Min-naħa tagħha, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet ċaħdet it-talbiet li għamlu Emanuel u Rita Aquilina. Wara kien sar appell minn din id-deċiżjoni u l-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li l-kwistjoni kienet sempliċiment “frivola u vessatorja”.
Kien għalhekk li Emmanuel u Rita Aquilina, flimkien ma’ Rose Calleja, fetħu Kawża Kostituzzjonali jisħqu li l-artikoli tal-Liġi li ġew applikati mill-Prim’Awla u mill-Qorti tal-Appell jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom. Huma talbu wkoll lill-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li Gatt ma tistax tutilizza l-imsemmija Liġi biex tibqa’ tabita fil-post.
Ir-Rikors kien iffirmat mill-avukati David Camilleri u Joseph Gatt.
//= $special ?>