Internazzjonali

Bomba f’suq toqtol mill-inqas għoxrin ruħ f’Islamabad

Mill-inqas għoxrin ruħ inqatlu u aktar minn mija ndarbu fi splużjoni ta’ bomba li straxxnat suq tal-ħaxix li kien iffullat bin-nies lejn il-limiti tal-belt kapitali Islamabad.

L-isplużjoni, li seħħet fiz-zona ta’ Sabzi Mandi, kellha intensità straordinarja, u l-militanti tal-fergħa lokali tat-Taliban jiċħdu li kellhom x’jaqsmu mal-attakk filwaqt li sal-bieraħ l-ebda entità terroristika ma assumiet responsabbiltà għall-istraġi.

Intant, il-Prim Ministru Pakistani, Nawaz Sharif, ma tilifx iż-żmien biex jikkundanna l-atroċità. Bħalissa għadu qed iżomm il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-Gvern tiegħu u t-Talibani f’dan il-pajjiż, u dan bħala parti minn impenn għall-paċi.

Sharif qal li d-dmija fis-suq hi riżultat tal-aġir tal-għedewwa tal-Pakistan li jridu jiddistabbilizzaw il-pajjiż, u li l-Gvern tiegħu se jibqa’ jaħdem b’determinazzjoni biex jilħaq it-tragward tal-paċi.

L-isptarijiet tal-inħawi baqgħu jilqgħu l-feruti sa sigħat wara l-isplużjoni, u ċ-ċifri tal-vittmi mistennija jiżdiedu maż-żmien.

Il-Pulizija aktar tard qalet li t-terroristi kienu ħbew sa ħames kilogrammi ta’ splussivi ġo kaxxa tal-frott u l-isplużjoni kellha effett devastanti għall-aħħar. Il-vittmi jinkludu numru ta’ nisa u tfal.

Sadanittant, il-grupp tat-Taliban fil-Pakistan ukoll ħareġ stqarrija ta’ kundanna għall-attakk, u fiha qal li hu kontra l-qtil ta’ persuni innoċenti fil-postijiet pubbliċi u li aġir bħal dan hu pprojbit mill-Iżlam.

Korrispondenti jgħidu li t-Taliban fil-Pakistan qed imexxi network ta’ gruppi ta’ militanti li huma indipendenti minn xulxin u li għandhom ukoll l-iskopijiet u l-aġendi differenti. Dan meta l-entitajiet perikolużi mhux kollha huma favur l-impenji u d-djalogu għall-paċi.

Id-dmija tal-bieraħ, fil-fatt, seħħet l-għada li tlettax-il persuna tilfu ħajjithom fi splużjoni ta’ bomba oħra fil-provinċja ta’ Baluchistan u l-awtoritajiet lokali qegħdin iwaħħlu fi grupp ta’ separatisti li huma residenti fl-inħawi.