Lokali

Ċenaklu ħaj fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Int tista’ tgħinna biex meta noħorġu mill-ħabs insibu soċjetà li lesta tilqgħana u nevitaw vittmi ġodda. Hu dan il-messaġġ ta’ ċenaklu ħaj li se jkun qed jittella’ mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fiċ-ċenaklu r-residenti joħolqu rappreżentazzjoni tal-aħħar ċena ta’ Kristu mad-dixxipli tiegħu filwaqt li wieħed minnhom iqabbel it-tradiment ta’ Ġuda lil Ġesu’ mal-esperjenza tiegħu.

Imbuttat minn sħabu, hu jiddeċiedi li jidħol f’villa li suppost kienet vojta biex jisraq, imma hemm sab lil sid il-villa u ma kellux għażla oħra ħlief li jaggredieh.

Hu nqabad u ttieħed il-ħabs, abbandunat minn sħabu u jiftakar kif meta kien żgħir kien abbandunat minn ommu, waqt li missieru ma jafx min hu.

Ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa għaddejjin ukoll bil-ħidma fuq il-figolli u ħelu ieħor li se jinbiegħ għall-karità.

Iċ-ċenaklu ħaj se jkun miftuħ għall-pubbliku nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li ġej mill-5.30 ‘il quddiem u l-Ħamis u l-Ġimgħa mid-9.30 ta’ filgħodu sal-11.30 u mill-5.30 ‘il quddiem.