Lokali

FILMAT: L-avviż legali jqajjem ħafna aktar mistoqsijiet

Il-mod kif inhu miktub l-Avviż Legali 76 tal-2014, li permezz tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni se jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-istudenti miċ-childcare sal-edukazzjoni terzjarja, mhuwiex biss limitat għal skopijiet ta’ riċerka kif qal il-Ministru Evarist Bartolo. Għalhekk huwa Avviż Legali li jqajjem ħafna mistoqsijiet.

Dan qalu l-lecturer dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Università ta’ Malta Dr. Antonio Ghio f’kummenti lil maltarightnow.com.

Antonio Ghio esprima l-ħsibijiet tiegħu għall-fatt li l-mod kif inhu miktub l-Avviż Legali – li ġibed il-kritika fost l-oħrajn tal-Kunsill Studenti Universitarji u ta’ diversi għaqdiet oħra tal-istudenti u tal-ġenituri – jqajjem bosta mistoqsijiet. Dan għaliex jagħti poteri wiesgħin lill-Ministru tal-Edukazzjoni.

Skont il-liġi Maltija, b’mod speċifiku Artiklu 8 ta’ Kapitlu 444 dwar il-Protezzjoni tad-Data, hemm mod speċifiku kif id-data għandha tiġi proċessata.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġi revokat dan l-Avviż Legali.