Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, fl-Uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building fil-Belt Valletta komplew jintlaqgħu n-nomini għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fil-24 ta’ Mejju li ġej.
In-nomini bdew jiġu sottomessi t-Tlieta u jagħlqu l-Ħamis.
Fl-ewwel ġurnata daħlu total ta’ 15-il nomina. U b’kollox, s’issa l-Kummissjoni rċeviet in-nomini ta’ kandidati ġejjin minn seba’ partiti jew gruppi. Il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista, l-Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla, Alleanza Liberali, u tal-Ajkla.
Min-nomini mitfugħa fl-ewwel jum, kien hemm 7 ta’ kandidati Nazzjonalisti – Ray Bugeja, David Casa, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Roberta Metsola, Norman Vella u Francis Zammit Dimech. Għall-Partit Laburista tefgħu n-nomina tagħhom tliet kandidati, u fost il-ħamsa l-oħra tispikka dik ta’ Norman Lowell.
L-Erbgħa wara nofsinhar, kien imiss li jitfgħu n-nomina tagħhom iż-żewġ kandidati tal-Alternattiva, Arnold Cassola u Carmel Cacopardo, waqt li l-Kummissjoni rċeviet ukoll in-nomini taż-żewġ kandidati tal-Alleanza Bidla, partit ġdid li hu magħmul minn persuni li huma ewroxettiċi. F’ismu se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew Ivan Grech Mintoff, li jiġi n-neputi tal-Perit Dom Mintoff, u Anthony Calleja. F’kummenti mal-ġurnalisti, Mintoff qal li jixtieq li l-poplu Malti jivvota f’referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wara li jiġi negozjat trattat ġdid – flok dak ta’ Lisbona.
Dan il-partit, Alleanza Bidla għandu l-appoġġ tal-Front Maltin Inqumu – li kien twaqqaf mill-Perit Mintoff u li fl-aħħar snin kien jitmexxa minn Karmenu Mifsud Bonnici.
Sadanittant, fl-istess uffiċċji fil-Belt, bħalissa qed jintlaqgħu n-nomini wkoll għall-elezzjoni tal-Kumitati Amministrattivi – elezzjonijiet li wkoll se jsiru x-xahar id-dieħel f’sittax-il hamlet madwar Malta u Għawdex.
Waqt li fetħu n-nomini biex jimtela l-post vakat minn Marie Louise Coleiro Preca fil-Parlament – fejn trid issir elezzjoni każwali fuq is-sitt distrett – f’dan il-każ dawn jibqgħu miftuħin sa nhar il-Ħadd.
//= $special ?>