Il-Ministru tal-Finanzi ippropona li jdaħħal żieda ta’ taxxa ġdida fuq is-siment biex jinqabad fit-taxxa tip ta’ siment li s’issa ma kienx hemm taxxa fuqu.
Meta kompliet id-diskussjoni dwar l-abbozz li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit, il-Ministru qal li kien qed jagħmel emenda biex jgħalaq loophole li permezz tagħha importaturi tas-siment kienu qed jevadu t-taxxa. Hu sostna li l-liġi titkellem dwar tip ta’ siment magħruf bħala ‘portland’ u fuqu titħallas taxxa. Issa qed jiddaħlu tipi oħra ta’ siment li fuq mhux qed titħallas taxxa.
Tonio Fenech qal li l-Gvern hawn mhux qed juża l-iskuża tal-loopholes biex iżid it-taxxi u l-Oppożizzjoni mhix se taqbel ma’ żieda fit-taxxi li qed isiru wara li kien approvat il-Baġit. Qed jagħmel ħażin il-Ministru tal-Finanzi li jakkuża li hemm min qed jipprova jevadi t-taxxa meta s’issa skont il-liġi ma hemmx taxxa x’titħallas.
Il-Ministru Scicluna akkuża lill-Tonio Fenech li qed jiddefendi lil min jevadi t-taxxa.
Tonio Fenech ċaħad din l-akkuża u qal li l-Ministru għandu kull dritt li jdaħħal it-taxxi li jrid iżda għandu jgħid ċar u tond li qed iżid it-taxxi u mhux jinħeba wara akkużi ta’ evażjoni minżħabba loopholes.
Il-Ministru qal li kien se jippreżenta emenda biex jitneħħew il-loopholes u issa jara x’se tkun ir-risposta tal-Oppożizzjoni.
Tonio Fenech qal li l-Oppożizzjoni lesta li tivvota favur kwalunkwe emenda li tgħalaq il-loopholes imbasta titneħħa l-emenda li biha qed tiżdied it-taxxa.
Li kieku ma kinitx għall-insistenza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern kien se jgħolli l-prezz ta’ kull pakkett sigarett b’ħames ċenteżmi. Fil-Parlament, l-Erbgħa filgħaxija, waqt id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-baġit, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppropona li jżid il-piż tat-taxxi – din id-darba b’żieda ta’ dazju fuq is-sigaretti.
Pront kien id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech li qal li dan mhuwiex aċċettabli. Dak li qed jiġi propost, jgħodd bħal li kieku daħal fis-seħħ f’Novembru li għadda meta kien approvat il-Baġit, sostna Tonio Fenech. U dan peress li l-operaturi diġa’ biegħu l-prodott skont ir-rati mħabbra fil-Baġit.
F’dan il-punt, id-diskussjoni ġiet sospiża għal diversi minuti sakemm il-Ministru Scicluna seta’ jikkonsulta mal-esperti.
Wara, il-Ministru qal li din iż-żieda fit-taxxi kienet qed tiġi proposta għaliex l-operaturi kienu qed japrofittaw ruħhom minn loophole fid-differenza bejn il-prezzijiet tas-sigaretti. Hawnhekk, Edward Scicluna ppropona li d-dħul ta’ din it-taxxa tidħol wara li l-abbozz ikun għadda mill-istadji kollha tal-Parlament.
Tonio Fenech reġa’ spjega kif skont klawsoli oħra fl-istess abbozz, dan l-abbozz beda jgħodd minn Novembru li għadda.
Reġa’ kien hemm pawsa oħra li fiha l-Ministru kkonsulta mal-esperti tat-taxxa u esperti legali. Wara l-pawsa, il-Ministru qal li kien se jirtira kull emenda li kien qed jiproponi.
Ġie spjegat kif kellha tkun l-Oppożizzjoni li twaqqaf il-Gvern milli jdaħħal taxxa ġdida 6 xhur wara li nbidlu l-prezzijiet tas-sigaretti skont il-Baġit li għadda.
Aktar tard, diskussjoni simili saret dwar proposta tal-Gvern għal żieda fit-taxxi tas-siment.
Il-Ministru Edward Scicluna irrifjuta li jwieġeb domandi ripetuti tad-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech dwar x’piż se tkun qed terfa’ l-Korporazzjoni Enemalta fiż-żieda ta’ taxxa proposta fuq l-użu tal-heavy fuel oil.
Meta Tonio Fenech talab informazzjoni dwar kemm hu stmat li l-Gvern idaħħal minn din iż-żieda fit-taxxa, il-Ministru Scicluna qal li dan ikun jiddependi mill-konsum u allura jkun jista’ jagħti ċ-ċifri wara li jkun magħruf kemm kien il-konsum.
Tonio Fenech qal li meta tħejja l-baġit, il-Gvern suppost li għamel stimi dwar kemm kien se jkun il-konsum u allura suppost li għamel kalkolu dwar kemm kien se jdaħħal iżħjed il-Gvern miż-żieda ta’ din it-taxxa.
Id-Deputat Nazzjonalista esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Ministru qed juri nuqqas ta’ trasparenza u anke qed jindika li ma kien preparat xejn fit-tħejjija tal-Baġit. Tonio Fenech qal li għandu d-dubji tiegħu kemm il-Ministru tal-Finanzi kien involut fit-tħejjija tal-Baġit.
Il-Ministru Scicluna qal li hu ma kellux x’iżid ma’ dak li qal u jekk id-Deputat Nazzjonalista ried aktar informazzjoni seta’ jagħmel Mistoqsijiet Parlamentari u jingħata l-informazzjoni li jitlob.
Tonio Fenech qal li l-fatt li l-Ministru baqa’ ma tahx risposta jkompli jikkonferma l-konklużjonijiet tiegħu dwar kemm jistgħu jkunu serji l-aklkoli li saru fil-Baġit.
//= $special ?>