Unjoni Ewropea

Il-PE opportunità biex il-poplu jkun rappreżentat fuq livell Ewropew

“Il-Parlament Ewropew hu opportunità unika biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun rappreżentat fuq livell Ewropew, fejn nistgħu nwasslu l-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħna u naħdmu biex niddefendu l-interessi u d-drittijiet tagħhom”. Kien dan il-messaġġ tal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja waqt waħda minn sensiela ta’ laqgħat li organizza bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu.

Waqt attività li saret f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan u li għaliha kienu mistiedna r-residenti tad-9 u l-10 distrett, kif ukoll residenti barranin li jgħixu f’Malta, Ray Bugeja ndirizza lil dawk kollha preżenti u saħaq li r-rwol ta’ Membru Parlamentari Ewropew hu li jwassal il-messaġġ tal-poplu Malti u tal-PN fuq livell Ewropew. Ray Bugeja qal li jekk ikun elett hu se jkun Ambaxxatur ta’ Malta fl-Ewropa u tal-Ewropa f’Malta.

Ray Bugeja qal li l-esperjenza professjonali tiegħu, fl-ekonomija u s-servizzi finanzjarji kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minn xtutna, se tgħinu jwettaq il-ħidma tiegħu. Qal li hu mpenjat li jkompli jitħarreġ u jservi anke f’diversi oqsma oħra. Wara d-diskors ta’ Ray Bugeja, saret diskussjoni b’interventi mill-pubbliku, li matulha l-kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew tkellem dwar is-swieq finanzjarji fl-Ewropa u fiż-Żona Ewro.