Ambjent

Il-proposta tal-gvern dwar il-MEPA hi pass lura mhux ‘il quddiem – AD

Il-proposta tal-gvern, li jifred l-ambjent mill-ippjanar, hi pass lura mhux ‘il quddiem. Dan sostnih Arnold Cassola, iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika f’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Berġa ta’ Kastilja wara nofsinhar.

B’referenza għad-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, mill-gvern, dwar ir-riforma tal-ippjanar għall-użu tal-art, intitolat For an Efficient Planning System, Arnold Cassola stqarr li kollox qed jindika li r-residenti se jingidmu u l-ispekulaturi se jkunu aġevolati.

Hu qal li kien ikun aktar għaqli li kieku l-ambjent u l-ippjanar għall-użu tal-art, baqgħu t-tnejn fl-istess awtorità. Il-konsolidazzjoni f’awtorità waħda, li saret tnax-il sena ilu kienet pass ‘il quddiem, għalkemm skont Alternattiva Demokratika, din ma kinitx segwita bl-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi għad-Direttorat tal-Ambjent.

Carmel Cacopardo, id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika fisser li d-dokument jiffoka fuq l-effiċjenza fil-ħruġ tal-permessi u jnaqqas il-protezzjoni għaż-żoni barra l-iżvilupp, għall-bini protett u għaż-żoni protetti.

Sal-lum, sostna Cacopardo, bl-emendi tal-2010, żvilupp bla permess barra miż-żona ta’ żvilupp jew bdil f’bini protett, inkella żvilupp f’żona protetta, ma setax ikun sanzjonat.

Fi kliem Alternattiva Demokratika, dan issa se jkun possibbli li jkun regolarizzat. Il-messaġġ li qed jagħti l-gvern hu li, min jabbuża se jkun ippremjat.

Id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika żied li d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-ippjanar, jipproponi wkoll li l-iskedar ikun ikkunsidrat mill-ġdid wara 10 snin.

Cacopardo saħaq li din il-proposta hi pass lura għax se sservi biex tinkoraġġixxi n-nuqqas ta’ ħarsien tal-patrimonju Malti. Hu qal li d-dokument ta’ konsultazzjoni ftit li xejn jitkellem dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-ippjanar.

Alternattiva Demokratika qed tisħaq li wasal iż-żmien li ma jibqax ikun hemm involviment dirett tal-membri parlamentari fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ippjanar għall-użu tal-art.

Carmel Cacopardo kompla li r-rwol tal-Parlament, permezz tal-kumitati tiegħu, għandu jiffoka fuq is-sorveljanza tal-awtorità, inkluż li jgħarbel il-ħatriet tal-gvern fl-awtoritajiet.

Kollox ma’ kollox, temm jgħid Cacopardo, id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-ippjanar, konsistentement ifittex li jħares l-interessi ta’ min irid jiżviluppa l-art u fl-ebda parti tiegħu ma jfittexx li jħares l-interessi tal-komunità.