Sport Ieħor

Il-prosekuzzjoni ġġib lil Pistorius dahru mal-ħajt

L-atleta mill-Afrika t’Isfel Oscar Pistorius kompla jixhed fil-Qorti fi Pretoria hekk kif beda l-kontro-eżami tal-prosekutur Gerrie Nel, dwar il-qtil volontarju tal-għarusa Reeva Steenkamp li hu akkużat bih. Fil-Qorti Gerrie Nel, li hu magħruf għal mod aħrax li bih jimxi mal-akkużati, ġiegħel lil Pistorius jgħid il-frażi ‘Jien sparajt u qtilt lil Reeva” kif ukoll ried jurih ritratt tagħha mejta b’rasha mifqugħa wara li intlaqtet bil-balal tal-pistola.

Minn naħa tiegħu l-atleta ma riedx iħares lejn dawn ix-xeni makabri u baqa` jsostni li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jispara lil xi ħadd iżda għamel hekk għax kien f’mument ta’ biża’ li fih ma kellux ħin biex jaħseb.

Nel kompla jikkonfronta lil Pistorius billi qallu jerfa’ r-responsabbilta` ta’ dak li għamel. Fil-Qorti intwera filmat fejn Pistorius, f’range tal-isparar beda jipprattika fuq id-dulliegħ u hekk kif Nel urih dan il-filmat qallu li bħal ma infaqgħet id-dulliegħa hekk ukoll għamlet ras Steenkamp. F’dan il-mument Nel talab biex fil-Qorti jintwerew ritratti ta’ moħħ Steenkamp wara l-isparatura. Pistorius beda jibki u jsostni li ma kienx se jħares lejn dawn ir-ritratti.

Aktar qabel l-atleta interrogat mill-avukat tiegħu Barry Roux, qal li Steenkamp mietet f’dirgħajh qabel waslet l-ambulanza. Hu qal li pprova jgħinnha tieħu n-nifs u jwaqqaf l-emoraġija minn qaddha.

Pistorius iddeskriva l-mument meta waslu l-paramediċi. “Talbu ftit spazju biex jaħdmu u qomt. Reeva kienet diġa` mejta waqt li kont qed inżommha qabel waslet l-ambulanza u kont naf li ma setgħu jagħmlu xejn għaliha.”

Hu ddeskriva wkoll il-konfużjoni meta waslu l-pulizija fuq il-post.

“Tlabt il-pulizija biex naħsel idi għaliex ir-riħa ta’ demm bdiet iddardarni.”

Pistorius kien mitlub juri kif idawwar pala tal-cricket u qal li kellu s-saqajn artifiċjali meta faqa’ l-bieb tat-toilet biha.

Qal li t-tliet ħsejjes li semgħu ix-xhieda fit-3.17 a.m. kienu daqqiet tal-pala tal-cricket mal-bieb, madwar ħames minuti wara li kien spara fuq il-bieb.

Roux, li semma kif żewġ persuni li ma kienux imsejħa jixhdu, qalu li semgħu ‘mara tibki’ u mhux twerżiq kif allegat, fl-aħħar mistoqsija tiegħu staqsa lil Pistorius jekk qatilx lil Steenkamp intenzjonalment.

“Ma kellix intenzjoni li noqtol lil Reeva jew xi persuna oħra,” wieġeb l-akkużat.

Pistorius li għandu 27 sena qed jiffaċċja għomru l-ħabs jekk jinstab ħati. Madankollu jekk le, l-liġi fl-Afrika t’Isfel xorta tistipula li l-Qorti trid tikkunsidra l-akkużi separati anqas serji ta’ ħtija ta’ qtil li għalihom jista’ jeħel bejn 6 u 15-il sena ħabs.