Il-Pulizija ma tridx twieġeb mistoqsija sempliċi li għamlilha MaltaRightNow.com dwar l-inċident tat-traffiku barra l-mina ta’ Santa Venera, li fih kien involut il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Staqsejna jekk, kif ġieli jiġri f’każi bħal dawn, sarx breathalyser test. Ilbieraħ filgħodu, bgħatna tliet mistoqsijiet speċifiċi lill-Pulizija: jekk sarx breathalyser test meta l-Pulizija waslu fil-post, jekk sar fuq min u x’kien ir-riżultat.
Iżda l-Pulizija ma wieġbet l-ebda waħda minn dawn il-mistoqsijiet. It-tweġiba tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Korp għall-mistoqsijiet tagħna dwar il-breathalyser test kienet biss li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għalhekk mhux prudenti li wieħed jikkummenta. Il-Pulizija u l-Gvern ħbew dan il-każ għal ħamest ijiem sħaħ. Filwaqt li l-Pulizija ma ħarġet l-ebda stqarrija dwar l-inċident, kif jiġri ssoltu, kien biss ħamest ijiem wara li seħħ l-inċident u ftit sigħat wara li żvelajna l-istorja li l-Gvern ħareġ stqarrija.
L-istqarrija ppubblikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja, immexxi minn Bonnici stess, ikkonfermat kelma b’kelma dak li ġie żvelat. Iżda issa, il-Ministru Owen Bonnici qed jammetti li d-deċiżjoni li dan il-każ jinżamm moħbi mill-media u mill-pubbliku kienet waħda żbaljata. Qal li kien ikun aħjar li kieku, f’ġieh it-trasparenza, il-Ministru jew għallinqas il-Pulizija ħarġu stqarrija bid-dettalji tal-każ. Fil-każ in kwistjoni, Owen Bonnici tajjar żewġ żgħażagħ, li wieħed minnhom kellu jiġi operat għax kiser siequ.
Is-sentiment espress minn Owen Bonnici kien espress ukoll f’numru ta’ kummenti tan-nies fuq portals tal-aħbarijiet proprju dwar din l-istorja. Ħafna esprimew id-dispjaċir tagħhom għan-nuqqas ta’ trasparenza dwar dan il-każ. L-inċident ta’ Owen Bonnici, li nżamm moħbi, jista’ jwassal biex il-Ministru tal-Ġustizzja jiffaċċja akkużi kriminali fil-Qorti minħabba li l-inċident involva feriti serji.
Fl-istqarrija, il-Ministru Bonnici ammetta li filwaqt li bejn il-partijiet intlaħaq ftehim bonarju mill-aspett ċivili, dwar il-każ sar rapport formali tal-Pulizija u għalhekk bilfors li l-każ irid imur il-Qorti fis-Seduta tat-Traffiku tal-Pulizija.
//= $special ?>