Futbol

It-tim li pprova jiddefendi kien kastigat – Mourinho

Il-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho insista li l-ġirja li ħa wara t-tieni gowl kontra Paris Saint Germain it-Tlieta, ma kinitx waħda ta’ ċelebrazzjoni.

Il-Portugiż ġera mill-bank tiegħu biex jingħaqad mal-plejers ta’ Chelsea wara li s-sosttitut Demba Ba skorja t-tieni gowl fis-82 minuta, liema gowl poġġa lil Chelsea fis-semifinali bir-regola tal-gowl away.

Mourinho qal li ma kienx qed jiċċelebra imma kien tentattiv li jikkalma l-plejers u jgħaddi struzzjonijiet tattiċi.

“Ma mortx ħdejn il-bandiera tal-korner biex niċċelebra. Mort ngħidilhom bil-bidliet li kellna bżonn nagħmlu. Kien fadal tliet minuti u l-ħin miżjud u l-mod kif konna qed nilagħbu kien riskjuż wisq. Ridt lil Demba Ba jilgħab quddiem id-difiża u lil Fernando Torres jiddefendi fuq Maxwell. Ippruvajt nużahom f’postijiet differenti. Naħseb li għamilna biżżejjed fl-ewwel taqsima biex niskorjaw qabel ma skorjajna. Imma kien diffiċli li nippenetrawhom. Għamilniha fit-taħriġ ġurnata qabel bi tliet sistemi differenti li kollha wżajnihom. Il-plejers kienu jafu x’riedu jagħmlu u Demba Ba kien kruċjali għalina. It-tim li pprova jiddefendi kien kastigat. Kien it-tim li lagħab b’qalbu li kien jimmeritah javanza,” qal Mourinho.

Il-kowċ ta’ PSG Laurent Blanc qal li kienet in-nuqqas ta’ esperjenza li swiethom post mal-aħħar erbgħa.

“Fuq żewġ legs fti kien hemm differenza bejn it-tnejn. Finalment iżda naħseb li l-esperjenza ta’ Chelsea f’din il-kompetizzjoni għamlet differenza żgħira. Lgħabna bi tliet attakkanti u midfielder li pprova jżomm il-ballun u ma naħsibx li morna ħażin. Ma konniex biss kapaċi niskorjaw. Fit-tieni taqsima Chelsea poġġewna ftit taħt pressjoni.”

Blanc qal li t-tim tiegħu kellu jiskorja biex jevita li jkun taħt pressjoni.

“Irionikament bdejna aħjar fit-tieni leg u l-ewwel 25 minuta kienu tajbin. Qlajna gowl minn throw in u dan poġġiena f’inkwiet kbir għaliex ta kuraġġ lil Chelsea. Sfortunatament ma ħadniex iċ-ċansijiet. Inħossni diżappuntat ħafna kif iħossuhom il-plejers. Konna tant viċin,” qal Blanc.

Real fortunati
Carlo Ancelotti ammetta li Real Madrid kienu fortunati li għamluha għas-semi-finali wara telfa 2-0 f’Dortmund li ddominaw il-partita.

“F’dan l-istadju l-partiti kollha huma diffiċli. Konna fortunati li għaddejna għas-semifinali. Kuntenti li wasalna s’hawn imma mhux kuntenti għaliex sofrejna ħafna, speċjalment fl-ewwel taqsima. Erġajna ftaħna l-logħba. Fit-tieni taqisma konna aħjar. Imma dan hu l-futbol. Tajna rigali, għamilna ħafna żbalji, ma konniex fiduċjużi u batejna. Casillas wettaq saves deċiżivi. Kellu logħba tajba mmens,” qal Ancelotti.

Il-gowlkiper ta’ Real ikkummenta, “Forsi hi ħaġa tajba li kultant ikollna tbeżbiża bħal din. Aħjar li waslet illum u mhux fil-partiti li jmiss. Fallejna anke penalty. It-tajjeb hu li nafu kif inkunu taħt pressjoni.”
Minkejja l-eliminazzjoni il-kowċ ta’ Dortmund Jurgen Klopp sejjaħ it-tim tiegħu bħala ‘inkredibbli’.

“Wara l-logħba Neven Subotic qalli ‘Ma nistax inkun aktar kburi b’dan it-tim’. Din hi ċ-Champions League. Konna superjuri llum imma messna skorjajna l-ġimgħa l-oħra. Illum tant kellna logħba tajba li ma nista’ nilmenta ma ħadd u fuq xejn. L-atmosfera kienet eċċellenti.

Ridna nuru xi ħaġa u għamilniha b’wirja nkredibbli. Komplejna nuru x’kapaċi jagħmel dan it-tim kontra l-aqwa tal-ewropa,” qal Klopp.