It-tim nazzjonali tan-nisa mmexxi minn Pierre Brincat llum fis-2 p.m. fil-grawnd ?entinarju jilgħab partita oħra ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li se ssir is-sena d-dieħla fil-Kanada. L-avversarji tal-Maltin din id-darba se jkunu l-Iżlanda.
It-tim Malti ġej minn telfa umiljanti 11-0 fl-Iżvizzera s-Sibt li għadda u l-moral hu wieħed baxx ħafna. Madankollu dan hu l-aħjar ċans għall-plejers ta’ Brincat li jwettqu reazzjoni mmedjata bit-tama li jagħtu prestazzjoni ferm aħjar minn dik tas-Sibt.
L-Iżvizzeri huma kważi ċerti mill-kwalifikazzjoni b’ħames rebħiet minn daqstant partiti li fihom skorjaw numru mpressjonanti ta’ 28 gowl u għadhom ma qalgħux gowl.
L-avversarji tal-lum għadhom lagħbu biss tliet partiti imma jinsabu fit-tieni post b’sitt punti b’żewġ rebħiet u telfa 0-2 li waslet proprju kontra l-liders Żvizzera. Iż-żewġ rebħiet kienu 2-1 kontra s-Serbja u s-Sibt li għadda meta rebħu sfida diretta f’Ramat Gan kontra Iżrael 1-0 u laħquhom fit-tieni post.
Dan ifisser li l-moral tal-plejers Iżlandiżi issa hu għoli u qed iqisu din il-partita bħala tliet punti oħra li bihom jaqbżu waħedhom fit-tieni post, sitt punti taħt l-Iżvizzera.
Fuq il-karta l-Iżlanda huma favoriti netti imma x-xewqa ta’ Brincat f’din il-kompetizzjoni tibqa’ dik li sa fl-aħħar it-tim Malti jiskorja l-ewwel gowl tiegħu fil-kompetizzjoni waqt li jkompli jikseb esperjenza ferm utli fit-tim żagħżugħ bit-tama li ma jirrepetux l-istess żbalji.
S’issa t-tim Malti tilef ukoll 2-0 f’Iżrael, 0-5 kontra d-Danimarka, 0-3 kontra s-Serbja u 11-0 fl-Iżvizzera.
Il-logħba se tkun kontrollata mill-Olandiża Sjoukje de Jong u d-dħul se jkun b’xejn.
Wara din il-partita t-tim Malti jerġa’ jkun impenjat f’pajjiżna f’Mejju kontra l-Iżrael.
L-iskwadra finali hi> S. Constantino, M. Farrugia, R. D’Agostino, S. Farrugia, N. Pace, G. Zahra, C. Zammit, B. Borg, M.Borg, R. Cuschieri, M. Debono, A. Sammut, D. Theuma, S. Zammit, N. Buttigieg, Y. Carabott, J. Flask u A. Sultana.
//= $special ?>

