Futbol

Jittellgħu l-poloz tal-finali tal-kampjonat ewropew U17

Illum fit-teatru tal-Kavallieri ta’ San Ġakbu fil-Belt ittellgħu l-poloz tal-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA taħt is-17-il sena li se jintlagħab f’Malta bejn id-9 u l-21 ta’ Mejju:

Grupp A
Malta
Ingilterra
Olanda
Turkija

Grupp B
Ġermanja
Skozja
Żvizzera
Portugal

Dan se jkun l-ewwel avveniment li l-MFA qatt ġiet fdata bih mill-UEFA. It-timijiet fil-finali se jkunu maqsuma f’żewġ gruppi. Dawn se jkunu Malta bħala l-pajjiż organizzatur, flimkien mal-Ingilterra, il-Ġermanja, it-Turkija, l-Iżvizzera, l-Iskozja, il-Portugall u l-Olanda.

L-Olanda, rebbieħa fl-2011 u l-2012 kien l-ewwel tim li kkwalifika għall-finali b’rebħa 3-1 fuq Franza f’Uden. L-Iskozja għaddew għall-ewwel fażi finali tagħhom f’sitt snin meta rebħu Grupp 6 kif l-istess għamlu l-Portugall fi Grupp 7. Dawn iż-żewġ pajjiżi kisbu l-kwalifikazzjoni meta kien fadlilhom logħba oħra.

It-Turkija fi Grupp 2 ħolqu sorpriża meta għelbu lill-Polonja bil-penalties għall-ewwel post waqt li l-Iżvizzera għelbu lil Spanja b’gowl lejn it-tmiem biex qabżu lilhom u lir-Russja fl-ewwel post fi Grupp 1. Il-Ġermanja żammew lis-Serbja fi Grupp 5 u għaddew b’differenza ta’ gowls aħjar waqt li l-Ingilterra għelbu lill-Italja fl-aħħar jum u kisbu punti massimi fi Grupp 4.

Il-polza tmexxit miċ-Chairman tal-Kumitat tal-Amateur Football tal-UEFA u l-UEFA Youth, Jim Boyce assistit minn tnejn mill-ambaxxaturi tat-turnament, Fr. Hilary Tagliaferro u David Carabott.

Il-partiti tal-fażi tal-gruppi se jintlagħbu fid-9, 12 u 15 ta’ Mejju fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali, fil-Hibs Ground f’Kordin u fil-Gozo Stadium. L-ewwel tnejn minn kull grupp jgħaddu għas-semi-finali fit-18 ta’ Mejju f’Ta’ Qali u l-final tintlagħab tliet ijiem wara f’Ta’ Qali wkoll.

Ta’ min jirrimarka li dawn se jkunu l-aħħar finali bi tmien timijiet hekk kif mill-edizzjoni ta’ wara t-turnament finali li se jsir fil-Bulgarija se jikber għal 16-il tim.