Internazzjonali

Komplew is-sinjali dwar l-ajruplan li għeb

Il-vapur Awstraljan,Ocean Shield, mill-ġdid indika s-sinjali distintivi li qed jidhru konsistenti ma’ dawk li jittrasmettu l-flight recorders (kaxxa s-sewda) ta’ ajruplan. B’hekk, komplew it-tamiet li t-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li ilu nieqes mit-8 ta’ Marzu tista’ dalwaqt tkun konkluża, għalkemm jidher li fadal għall-iżviluppi konkreti.

L-ajruplan, tat-tip Boeing, sparixxa waqt vjaġġ minn Kuala Lumpur lejn Beijing, bl-aħħar indikazzjonijiet (trasmissjonijiet tas-sonor) idumu, rispettivament, għal ħames u seba’ minuti. Dawn dehru ġejjin mis-search area tal-Oċean Indjan fejn qed jaħsbu li l-ajruplan iġġarraf, flimkien mal-239 persuna li kellu abbord.

L-Ocean Shield qed juża ping locator biex jaqbad is-sinjali potenzjali tal-kaxxa s-sewda fl-ibħra lejn il-Punent ta’ Perth (fl-Awstralja), bl-esperti jikkonfermaw li s-sinjali simili li nstemgħu qabel kienu ġejjin minn ‘tagħmir elettroniku speċifiku’.

L-uffiċjali li qed jikkoordinaw it-tfittxija għal ‘Titjira MH370’ jaħsbu li qegħdin ‘fil-post it-tajjeb’ – madankollu, hu importanti li s-search area tkun ristretta aktar qabel jistgħu jitniżżlu d-drones speċjalizzati biex ifittxu għall-fdalijiet tal-ajruplan fil-qigħ tal-oċean.