Lokali

L-IĠM jappella għal prudenza fir-rappurtaġġi dwar is-suwiċidji

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ġibed l-attenzjoni tal-ġurnalisti kollha u ta’ dawk li, permezz ta’ siti personali fuq l-internet u media soċjali oħrajn, qed jirrappurtaw, jikkummentaw u jispekulaw b’mod miftuħ dwar l-iżviluppi li għandhom x’jaqsmu mal-mewta ta’ adoloxxenti taħt l-età, dwar ir-responsabiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà u l-professjoni meta jirrapportaw fuq suwiċidji.

F’każijiet ta’ avvenimenti bħal dawn, l-IĠM appella għal prudenza u biex wieħed joqgħod lura fuq il-livell ta’ dettall li jkun aċċessibbli pubblikament. Irrispettivament mis-sors u l-libertà tal-kelma, li ġustament qed tkun eżerċitata,trid tingħata attenzjoni għall-implikazzjonijiet ta’ dak li qed jiġi ppublikat f’kull mezz ta’ komunikazzjoni u kemm jistgħu jiġu milquta nies minħabba l-informazzjoni; il-familji ta’ dawk involuti, adoloxxenti taħt l-età u tfal li huma impressjonabbli ħafna, u dawk kollha li jistgħu jkunu suxxettibbli li jikkupjaw dawn l-azzjonijiet permezz tal-informazzjoni kkomunikata.

L-IĠM qal li l-istandard etiku ta’ rappurtaġġ ta’ suwiċidji jibqa’ l-istess irrispettivament mis-sors tal-informazzjoni peress li l-implikazzjonijiet wiesa’ fuq dawk l-iktar vulnerabbli jibqa’ l-istess. Mhux il-livell li hu flessibbli, iżda l-limitu li jimponi fuq il-ġurnalisti dan il-livell.